​60 ilment dwar Child Care Centres

Bejn Lulju 2016 u Ġunju 2017, il-Ministeru għall-Edukazzjoni irċieva 60 ilment dwar Child Care Centres.  
Dan qalu l-Ministru għall-Edukazzjoni Evarist Bartolo fi tweġiba għall-mistoqsija tad-Deputat Nazzjonalista Stephen Spiteri.
Bartolo qal li madwar 25% tar-rapporti li rċieva id-Direttorat tal-Kwalità u Standards fl-Edukazzjoni kienu dwar in-numru ta’ carers li għandu jkun hemm mat-tfal skont l-istandards stabbiliti fl-2006 jew man-numru massimu ta’ tfal li ċ-ċentru għandu permess li jżomm f’mument partikolari. Fi 17% tal-każi, ir-rapporti kienu dwar allegat negliġenza mill-carers u daqstant dwar aspetti differenti bħal indafa fiċ-ċentri . Madwar 22% kienu rapporti ta’ inċidenti varji bejn it-tfal stess.
Bartolo saħaq li kull rapport li daħal ġie investigat u ttieħdu passi skont il-każ waqt li min għamel ir-rapport ġie infurmat bil-passi li ttieħdu. Barra minn hekk, inżamm kuntatt kemm maċ-ċentru kif ukoll ma’ min għamel ir-rapport biex ikun segwit il-progress.
Intant fi tweġiba separata għall-mistoqsija tal-istess interpellant, Bartolo qal li fil-preżent hemm madwar 7,361 il-ġenitur jew kustodju legali li qed jibbenefika mis-servizz b’xejn ta’ childcare, taħt l-iskema ta’ Childcare bla Ħlas li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ April 2014.
B’kollox hemm 107 ċentru li joffru dan is-servizz.