60 mara maqtula f’200 sena: “mard mentali jew adulterju”

Madwar 60 każ ta’ femiċidju ġew irrappurtati fl-aħħar 200 sena skont riċerka li għamel l-istoriku Edward Attard meta kien qed jiġbor kumpilazzjoni tal-omiċidji kollha li saru f’Malta mill-1800 sal-lum.

Ma’ Newsbook.com.mt Attard semma bosta każijiet li ltaqa’ magħhom fis-snin li għamel janalizza l-omiċidji li saru fil-pajjiż. Irrimarka li bosta drabi ħafna jaħsbu li meta mara tinqatel mir-raġel jew sieħeb tagħha, dan ikun minħabba li għal żmien twil tkun ilha vittma ta’ vjolenza domestika. Madanakollu insista li dan mhux dejjem il-każ.

“Mard mentali jew għax ir-raġel ikun irid jeħles mill-mara”

Spjega li mill-analiżi tiegħu tal-każijiet fl-aħħar 200 sena, ir-raġunijiet kienu varji. Qal li apparti każijiet ta’ mard mentali fir-raġel li jwasslu biex joqtol lil martu, kien hemm każijiet fejn ir-raġel qatel lil martu għax ikun irid jeħles minnha minħabba mara oħra, dak li jsejjaħlu it-trijangolu tal-imħabba. Attard kompla jgħid li kien hemm bosta każijiet fl-antik fejn raġel ikun irid jeħles minn martu biex jibda jgħix ma’ mara oħra, iżda malli jsir id-delitt u r-raġel jinqabad kien jispiċċa b’xejn.

“Drabi oħra minħabba li l-mara ma tkunx fidila lejn żewġha”

Semma wkoll kif kien hemm każijiet ta’ nisa li nqatlu minħabba l-infedeltà tagħhom, għax ikunu bidlu lir-raġel tagħhom. Oħrajn jinqatlu wara l-firda tal-koppja – il-mara titlaq lir-raġel, jinħoloq kunflitt u r-raġel jasal sabiex joqtolha. Irrakkonta kif nisa oħra nqatlu wara xi argument fejn l-irjus saħnu wisq.

Intant, Attard spjega li fl-aħħar snin Malta rat jirritorna fenomenu ta’ żmien il-baħrin hekk kif issa hawn bosta każi ta’ nisa barranin jew anke nisa Maltin li jinqatlu minn irġiel barranin.