​60,000 tunnellata skart miġbura minn postijiet pubbliċi fi 11-il sena

Fil-ħdax-il sena bejn l-2004 u l-2014 inġabru kważi 62,500 tunnellata ta’ skart li kien ġie mormi illegalment f’postijiet meqjusa mwarrba.
L-ikbar ammont ta’ skart f’dawn is-snin, inġabar fi Triq il-Ħotba fiż-Żejtun, f’Manoel Island, fil-foss ta’ Ħaż-Żabbar u f’diversi widien u żoni industrijali.
Il-Ministru tal-Infrastruttura Joe Mizzi kien qed iwieġeb Mistoqsija Parlamentari tad-deputat Laburista Anthony Agius Decelis.
Speċifika li l-iskart miġbur mid-Dipartiment tat-Tindif Pubbliku kien jikkonsisti l-iktar fi “skart tal-kostruzzjoni u kull tip ta’ skart domestiku b’mod partikolari skart goff”.
Spjega wkoll li ċ-ċifri mogħtija ma jinkludix l-iskart illegali mormi f’toroq arterjali u distributorji.
Fost il-ħdax-il sena, l-iktar sena li matulha nġabar skart kien matul is-sena li għaddiet, meta nġabru ftit iktar minn 10,250 tunnellata. Din is-sena s’issa, diġà nġabru 222 tunnellata ta’ skart goff.