​60,000 kelb iċċippjati

Madwar 60,000 kelb huma reġistrati bħala microchipped.
Dan qalu lbieraħ fil-Parlament il-Ministru għall-Ambjent Leo Brincat fi tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari tad-Deputat Nazzjonalista Ċensu Galea.
Il-Ministru wissa li ċ-ċifra jista’ jkun li ma tirrapreżentax in-numru reali ta’ klieb li preżentament huma microchipped Dan minħabba l-fatt li jekk jekk kelb imut u l-mewt tiegħu ma tkunx irrapportata, il-kelb jibqa’ jidher fid-database.
F’Malta, sa mit-30 ta’ April 2012, huwa obligatorju li l-klieb kollha li jagħlqu erba’ xhur jiġu microchipped u rreġistrati mad-Dipartiment għar-Regolazzjoni Veterinarja. Kull veterinarju reġistrat f’Malta huwa awtorizzat jagħmel din l-operazzjoni, u eventwalment jirreġistra l-kelb iċċippjat kif ukoll id-dettalji tas-sid biex f'każ li l-kelb jintilef, is-sid ikun jista' jiġi kkuntattjat.