6 żgħażagħ jinqabdu bid-droga f’Bormla

Sitt żgħażagħ inqabdu bid-droga fuqhom waqt spezzjonijiet tat-traffiku li wettqu l-pulizija f’Bormla tul il-lejl.

Fi Triq it-Tlett Ibliet fil-11pm, il-pulizija nnutaw vettura tieqaf ftit ‘il bogħod minnhom u l-persuni ta’ ġo fiha jaġixxu b’mod suspettuż. Il-pulizija mxew lejn il-vettura, iżda x-xufier saq ftit metri oħra u waqaf fejn il-pulizija.

Il-pulizija ċċekkjaw il-post fejn waqfet il-vettura oriġinarjament, fejn instabu boroż b’sustanza suspettata droga. Mas-sejba, il-Pulizija ordnat lill-persuni kollha, erba’ irġiel u żewġ tfajliet li l-età tagħhom tvarja bejn is-16 u t-23 sena, sabiex jinżlu mill-vettura biex issir tfittxija fuqhom u fil-vettura.

Fil-vettura nstabet għodda b’diversi użi f’basket ta’ ġuvni ta’ 16-il sena. Il-Pulizija sabet ukoll li x-xufier ta’ 21 sena ma kellux liċenzja valida, u l-polza tal-assigurazzjoni tal-vettura ma kinitx waħda valida għalih.

Il-boroż bis-sustanza ttieħdu l-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija fil-Furjana, fejn irriżulta li s-sustanzi kienu droga sintetika, kokaina, kannabis, eroina u crack.

Dwar din is-sejba ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa, filwaqt li l-investigazzjonijiet mill-Pulizija tad-Distrett ta’ Bormla u tal-RIU dwar dan il-każ għadhom għaddejjin.