6 xhur mit-traġedja ta’ Miriam Pace: “It-telfien tagħha ma sewa għal xejn” – żewġha

Miriam-Pace-Hamrun-site

Carmel Pace, ir-raġel ta’ Miriam Pace, qal li llum, sitt xhur wara t-traġedja li ħasdet ħajjet martu, jidher li t-telfien tagħha ma sewa għal xejn, minkejja li meta seħħ il-każ, ħarġu diversi stqarrijiet jgħidu li tal-anqas minnu se tittieħed tagħlima u kulħadd se jkun aktar sigur f’daru.

Fuq Facebook, Carmel Pace kiteb messaġġ ta’ nuqqas ta’ tama, propju sitt xhur minn meta martu tilfet ħajjitha waqt li kienet ġo darha meta l-bini sfronda minħabba xogħol ta’ kostruzzjoni li kien għaddej maġenbha fi Triq Joseph Abela Scolaro fil-Ħamrun. Miriam kellha 54 sena.

Żewġha rrakkonta kif dakinhar, Malta kollha xegħlet bl-aħbar tat-traġedja. Semma kif saru għadd ta’ wegħdiet fiergħa, billi llum ir-rapport li ntalab mill-Prim Ministru Robert Abela baqa’ ma ssemmiex, u t-talba tal-familja biex issir inkjesta pubblika fuq il-każ ġiet injorata.

“Kollu duħħan,” fisser Carmel Pace. Qal, iżda, li hu u wliedu għadhom iħossu t-telfa u li hu jibki kull meta jżur il-qabar ta’ martu, u kultant jibda jaħseb jekk hux veru seħħ dan kollu.

Fl-aħħar seduta fuq il-każ fil-qorti, li fih qed jitressqu l-perit tal-proġett, is-site technical officer, il-kuntrattur u l-ħaddiem, xehed wieħed mill-ġirien tal-familja Pace li stqarr li anke familtu għadha taħt xokk, u qed ikollhom jiksbu kura psikjatrika għal dak li għaddew minnu.

Fit-28 ta’ Lulju, imbagħad, il-Maġistrat Joe Mifsud li qed jippresiedi l-każ, żar il-post fejn seħħet it-traġedja flimkien mal-familja u xi esperti tal-Qorti.

L-Oppożizzjoni Nazzjonalista reġgħet appellat għal inkjesta pubblika dwar din it-traġedja. Dan wara li f’April li għadda kienet ressqet mozzjoni parlamentari ffirmata mill-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia u mid-deputati Claudio Grech u Robert Cutajar biex issir inkjesta pubblika. Intqal li din il-mozzjoni sal-lum baqgħet qatt ma ttellgħet quddiem il-Parlament.