6 xhur jistennew iċ-ċertifikat tal-mewt ta’ binhom

Ġenituri li miet binhom żagħżugħ ħabta u sabta d-dar ilmentar mal-Uffiċċju tal-Ombudsman li sitt xhur wara l-mewt ta’ binhom, l-awtoritajiet kienu għadhom ma ħarġux iċ-Ċertifikat tal-Mewt.

Skont id-dokument tal-każijiet fil-qosor tal-2018, il-missier kien talab l-għajnuna ta’ bosta persuni f’karigi għoljin dwar il-kwistjoni madanakollu l-krib tiegħu ma kien wasal imkien. Intant, l-Ombudsman irrefera l-każ lill-Kummissarju għas-Saħħa sabiex jinvestigah.

L-investigazzjoni mill-Kummissarju tas-Saħħa wasslet sabiex mhux talli joħroġ iċ-ċertifikat tal-mewt tat-tifel, iżda wkoll li l-Qorti ssib persuna kwalifikata lokalmenta sabiex twettaq it-testijiet meħtieġa u b’hekk id-dewmien żejjed ikun jista’ jieqaf immedjatament.

X’inhuma d-dettalji tal-każ?

Mill-investigazzjoni irriżulta li mid-dokumenti li ressaq il-missier, wara l-mewt tat-tifel, l-awtoritajiet kienu ppubblikaw biss ċertifikat tal-mewt proviżorju. Ir-raġuni li kienu ngħataw il-ġenituri kienet li minħabba li kienet għaddejja inkjesta bil-Maġistrat, l-Espert tal-Qorti kien bagħat il-kampjuni tad-demm għat-testijiet meħtieġa barra minn Malta. Qalulhom li r-riżultati tad-demm ma kienux għadhom waslu u għaldaqstant ma setax jinħareġ iċ-ċertifikat uffiċjali.

Intant, il-fatti tal-investigazzjoni jgħidu li xi impjegati tal-Isptar Mater Dei kienu assiguraw lill-ġenituri li l-proċess ma kellux jieħu żmien fit-tul. Madanakollu, sitt xhur wara l-familja skopriet li l-kampjun tad-demm lanqas biss kienu għadhom intbagħtu biex jiġu analizzati.

L-istħarriġ tal-Kummissarju għas-Saħħa rriżulta li kull meta l-Espert tal-Qorti jkun meħtieġ li jintbagħtu l-kampjuni tad-demm barra minn Malta, il-prassi kien li dawn il-kampjuni jinġabru u jintbagħtu darbtejn fis-sena. Irriżulta li t-tifel kien miet ftit jiem wara li l-kampjuni tad-demm intbagħtu r-Renju Unit u għalhekk tiegħu kellu jistenna sakemm jerġa’ jintbagħat mal-konsenja ta’ kampjuni li jmiss. Dan kollu kellu effett fuq il-ġenituri hekk kif dawn il-ġenituri ma setgħux jirreġistraw il-mewt ta’ binhom mar-Reġistru Pubbliku u ma setgħux isiru proċeduri amministrattivi.

Dan wassal sabiex il-Kummissarju jistaqsi għaliex ma jintużax is-servizz ta’ courier f’każijiet bħal dawn. Min-naħa tagħhom, l-awtoritajiet tal-Qorti sostnew li din il-kwistjoni kienet se titqajjem mal-Maġistrati inkwerenti u mal-Amministrazzjoni tal-Qorti.

L-espert tal-Qorti mbagħad kien inform lill-Kummissarju li kien instab persuna kwalifikata lokalment li seta’ jwettaq dawn it-testijiet meħtieġa. Fil-passat dawn it-testijiet kienu jsiru f’Malta stess minn Tossikologu, iżda meta dan irtira ma kien hawn ħadd disponibbli li seta’ jagħmel dan ix-xogħol. Intant il-Kummissarju nnota li ma kienx sew li l-ġenituri ngħataw informazzjoni skorretta dwar fejn kienu jinsabu l-kampjuni tad-demm.

X’inhu l-irwol tal-Ombudsma?

Il-funzjoni ewlenija tal-istituzzjoni tal-Ombudsman hija li jinvestiga ilmenti magħmula minn persuni li jħossu li ġew trattati ħażin minħabba azzjonijiet mill-amministrazzjoni pubblika. Fejn meħtieġ, l-Ombudsman u l-Kummissarji jwettqu investigazzjonijiet fuq inizjattiva tagħhom biex jiġu indirizzati nuqqasijiet sistematiċi.

Il-mira tax-xogħol tagħhom huwa li jiġu identifikati l-inġustizzji u rrakkomandati rimedji għalihom, kif ukoll jiġu identifikati u analizzati nuqqasijiet amministrattivi, u jiġu rettifikati nuqqasijiet fil-proċessi u l-proċeduri amministrattivi.