6 xhur ħabs għax kiser ordni tal-Qorti

Luke Zerafa

Raġel ta’ 38 sena mill-Furjana ġie kkundannat sitt xhur ħabs wara li kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest. Huwa naqas milli jiffirma l-bail book għal kważi xahrejn.

Ir-raġel ingħata l-ħelsien mill-arrest wara li qed jiġi akkużat li f’April li għadda seraq lil ommu kif ukoll li ħarab mill-kustodja tal-pulizija.

Il-prosekuzzjoni spjegat li r-raġel ġie arrestat wara li kien ilu ma jiffirma l-bail book mill-21 t’Ottubru li għadda. L-akkużat wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih.

Il-Maġistrat Claire Louise Stafrace sabet lill-akkużat ħati u kkundannatu għal sitt xhur ħabs u tpoġġa taħt ordni ta’ trattament għal sitt xhur. Huwa tilef €3,000 bħala garanzija personali fuq il-ħelsien mill-arrest.