6 xhur ħabs għas-sewwieq li laqat anzjan li miet jumejn wara

Raġel ta’ 36 sena ngħata sentenza ta’ sitt xhur ħabs talli fl-2016 laqat anzjan fil-Pietà waqt li kien qed isuq. L-anzjan miet jumejn wara.

L-inċident kien seħħ fil-21 ta’ Awwissu 2016 għas-6pm fi Triq ix-Xatt fil-Pietà. Kienet saret inkjesta maġisterjali dwaru.

L-akkużat, Joseph Piscopo, joqgħod il-Furjana. Ġie akkużat li waqt li kien qed isuq karozza BMW ikkaġuna l-mewt ta’ Salvatore Attard mill-Pietà. Ġie akkużat ukoll li kien qed isuq b’nuqqas ta’ kont, bi traskuraġni jew b’mod perikoluż.

Attard, li kellu 79 sena tilef ħajtu jumejn wara li ntlaqat mill-vettura ta’ Piscopo.

Dakinhar, meta l-ewwel żewġ pulizija waslu fuq il-post il-vittma kien diġà ttieħed l-isptar. Rappreżentant ta’ Transport Malta qal fil-Qorti li l-limitu tal-veloċità fil-parti tat-triq fejn seħħ l-inċident huwa ta’ 30 kilometru fis-siegħa.

Leon Caruana, li meta seħħ l-inċident kien riekeb bħala passiġġier fil-karozza ta’ Piscopo, qal li sema ħoss qawwi meta waslu viċin pedestrian crossing. Ra xi ħaġa ġejja mal-windscreen u wara titgerbeb mal-art. Meta ħareġ mill-karozza nduna li kienu laqtu persuna. Qal li ma kienx rah ġej ir-raġel. Caruana kellu xokk kbir fuqu. Ħareġ mill-karozza u mar-faċċata man-naħa l-oħra sakemm ġew il-wardens. Il-Qorti qalet li Caruana biddel il-verżjoni tiegħu diversi drabi. Instab ukoll li Caruana ma kellux liċenzja ta’ sewqan.

Xehed ukoll Stephen Cook, raġel li kien miexi n-niżla mill-Ħamrun għall-Imsida meta ntlaqat l-anzjan. Spjega li ma rax minn fejn qasam Attard għax kien diġà qiegħed fit-triq meta rah. Żied jgħid li Attard ra l-vettura ġejja u għaġġel u meta l-karozza resqet ħdejh ħareġ idejh. Skont il-Qorti, Cook qal affarijiet li “jimminaw xi ftit il-kredibilità tiegħu”.

Il-Qorti qalet li Cook ra l-break marks fit-triq però l-esperti qatt ma sabuhom.

L-esperti tal-Qorti kkonkludew li meta seħħ l-inċident kienu għadu d-dawl, it-triq kienet xotta, it-temp kien tajjeb, u l-viżibilità kienet tajba. Ma sabux break marks jew tyre marks.

Piscopo kien instab ħati ta’ sewqan perikoluż f’każ ieħor.

Il-Maġistrat Doreen Clarke kkundannat lil Piscopo sitt xhur ħabs. Il-liċenzja tas-sewqan tiegħu ġiet sospiża għal ħames snin. Piscopo ġie ordnat iħallas madwar €2,000 fi spejjeż tal-Qorti.