6 xhur ħabs għal żgħażagħ li użaw passaport falz

Read in English.

Immigranti li joqogħdu fiċ-Ċentru Miftuħ ta’ Ħal Far nhar il-Ġimgħa ppruvaw jaħarbu mill-pajjiż billi jużaw dokumenti foloz. Huma ġew ikkastigati għal tliet xhur għall-minuri u sitt xhur ħabs għal dawk li mhumiex minuri.

Tlieta minn dawn iż-żgħażagħ huma miċ-Chad, filwaqt li wieħed minnhom huwa mis-Sudan. L-etajiet tagħhom huma ta’ 16, 17, 19 u 24 sena. Dawn kollha kienu sejrin l-Italja lbieraħ filgħaxija. Fost dawk li nqabdu kien hemm ukoll żewġ aħwa Eġizzjani ta’ 26 sena li nqabdu lbieraħ fit-7.55am. Wieħed minnhom kien sejjer Marseille fi Franza u l-ieħor Bologna fl-Italja. Dawn ġew akkużati wkoll li ppruvaw jużaw dokumenti ffalsifikati.

L-ebda mill-akkużati ma kellhom mezzi finanzjarji sabiex iqabbdu avukat tal-għażla tagħhom, għalhekk użaw wieħed imqabbad mill-Qorti, u anke interpretu peress li ma jafux Malti u Ingliż.

Il-Maġistrat Natasha Galea Sciberras infurmat lill-akkużati li f’każijiet bħal dawn, normalment ikun hemm piena ta’ ħabs. Fil-qorti ġew preżentati d-dokumenti foloz u anke l-biljetti tat-titjira li kienu se jaqbdu.

Id-Difiża talbet il-kompassjoni tal-Qorti biex il-piena ma tkunx sentenza twila ta’ ħabs, peress li l-imputati għandhom kondotta nadifa u ppruvaw jitilqu minn Malta sabiex jiksbu ħajja aħjar. L-akkużati wieġbu ħatja u stqarru li huma konxji li l-konsegwenza hija piena ta’ ħabs.

Il-Qorti, għalhekk, sabithom ħatja u kkundannathom għal sitt xhur ħabs effettivi immedjatament, filwaqt li l-minuri weħlu tliet xhur ħabs.