6 xhur ħabs għal 3 irġiel li użaw dokumenti foloz

Tlett irġiel li ppruvaw jużaw dokumenti foloz biex jivvjaġġaw minn Malta għall-Ewropa qed jinżammu arrestati wara li dehru fil-Qorti llum.

Il-Maġistrat Ian Farrugia kkwota l-Ordinanza tal-Passaporti hu u jaqta’ s-sentenza, li tgħid li persuni li jużaw dokumenti foloz għall-ivvjaġġar jiġu arrestati għal tal-anqas 6 xhur.

Żewġ irġiel minn dawn huma mis-Sudan u qattgħu 6 xhur joqogħdu f’Ħal Far. Huma wieġbu ħatja li kellhom fil-pussess tagħhom dokumenti foloz u li użawhom. Huma waslu Malta f’Ottubru li għadda u applikaw għall-ażil.

Meta nqabdu, kienu qegħdin jippruvaw jaqbdu titjira għal Brussell b’karti tal-identità Taljani foloz. L-avukat tal-għajnuna legali argumenta li maġistrati differenti avviċinaw il-każ b’modi differenti, peress li wieħed jista’ jargumenta li dawn l-irġiel kienu sfaw vittmi ta’ traffikar tan-nies.

Iżda l-Ispettur Frankie Sammut mill-Prosekuzzjoni qal li l-akkużati kienu talbu lil xi ħadd jgħinhom jiksbu dokumenti foloz biex jitilqu minn Malta.

F’każ differenti dalgħodu, Albaniż ngħata 6 xhur priġunerija talli pprova jsiefer għal Gatwick f’Londra b’karta tal-identità Griega falza. Ir-raġel ta’ 26 sena wieġeb ħati għall-akkużi identiċi għal dawk tal-irġiel. Huwa għandu jiġi ddeportat la jtemm is-sentenza tiegħu.