6 vizzji mill-ħajja ta’ kuljum li jikkawżawlek uġigħ ta’ ras

Meta tibda tuġgħek rasek speċjalment ta’ spiss, hija faċli li wieħed jibda jissuspetta fl-agħar sitwazzjonijiet.
Madanakollu hija possibbli li meta ssoffri minn uġigħ ta’ ras ta’ spiss, jaf ikun ġej ukoll minn xi ħaġa innoċenti li jaf tkun qed tagħmel u ma tirrealizzax li qed tikkawżalek uġigħ f’rasek.
Skont neuroloġista minn Los Angeles, ġeneralment, l-uġigħ ta’ ras tibda meta l-vini tad-demm, il-muskoli jew in-nervituri tar-ras jiġu stimulati żżejjed.
Hu spjega kif “meta dawn l-istrutturi tal-moħħ jibdew jaħdmu żżejjed, jew meta l-attività kimika fil-moħħ tinbidel, ir-ras tibda tinħass tqila.”
Minkejja li kull persuna hija differenti, dawn is-sitt eżempji huma fost l-aktar affarijiet komuni li jwasslu għall-uġigħ ta’ ras:

  1. Meta tixrob l-inbid aħmar – l-alkoħol, b’mod speċjali l-inbid aħmar iwassal għall-uġigħ ta’ ras. Minkejja li l-esperti għadhom ma waslux għall-konklużjoni għalfejn dan iseħħ, jista’ jkun li minħabba t-tibdilet li l-alkoħol jagħmel fil-mod kif id-demm jimxi fil-ġisem.
  2. Meta tiekol ħafna laħam ipproċessat – dan jirriżulta minħabba li l-laħam ipproċessat għandu għadd ta’ priservattivi miżjuda miegħu sabiex ma jippermettux li jikbru l-batteri fl-ikel.
  3. Meta tbiddel il-mod kif torqod jew ma torqodx biżżejjed – jekk tinnota li l-uġigħ f’rasek ġie fi żmien meta bdejt torqod anqas mis-soltu mela għandek ir-raġuni għalfejn beda l-uġigħ.
  4. M’intix qed tiekol biżżejjed – jekk tiddeċiedi li taqbeż xi ikla jew meta tasal tmiem il-ġurnata tinduna li l-unika ikla li ħadt kienet il-kolazzjon, qed toħloq problema. Filwaqt li jekk tkun ħaġa rari mhux se taffetwak b’mod negattiv, jekk taqbad vizzju li taqbeż għadd ta’ ikliet għal bosta ġranet, rasek se tibda tipprotesta.
  5. Għandek qagħda ħażina – jekk ma toqgħodx bilqegħda jew bilwieqfa dritt, se toħloq tensjoni fil-muskoli tal-għonq u tad-dar li se jaffetwaw lin-nervituri tal-ispina li jistgħu jikkawżaw ukoll l-uġigħ ta’ ras.
  6. Għandek ħafna stress – l-istress huwa wieħed mill-aktar fatturi komuni li jikkreaw tensjoni fir-ras.

Madanakollu, qatt m’għandek tieħu xejn fatta u jekk tibqa’ tesperjenza uġigħ ta’ ras insopportabbli u repetittiva mur iċċekkja għand tabib.