6 titjiriet tal-Air Malta jittardjaw; waħda b’24 siegħa

Sitt titjiriet tal-Air Malta qed isofru minn ittardjar, fosthom dik minn Heathrow f’Londra li spiċċat ittardjat b’madwar 24 siegħa.

Filwaqt li l-ajruport ta’ Gatwick għamel madwar tliet ijiem magħluq minħabba persuni li tajjru drones qrib żoni tal-ajruport tant li kellha tingħalaq ir-runway, titjiriet oħra minn ajruporti oħrajn ittardjaw minħabba raġunijiet oħrajn.

It-titjira minn Heathrow għal Malta li lbieraħ kellha tittardja biss madwar sagħtejn, spiċċat ittardjat madwar 24 siegħa u issa stmata li se tasal Malta għall-ħabta tas-2pm skont is-sit tal-Air Malta. L-ajruplan spiċċa ttardja għax kellu xi diffikultajiet tekniċi. Skont sorsi, l-passiġġiera kienu riekba fuq l-ajruplan fejn damu jistennew għal xi ħin. Huma mbagħad intalbu jinżlu mill-ajruplan u ngħataw vouchers għall-ikel.

Ajruplan tal-Air Malta b’diffikultà f’Heathrow; wieqaf fl-ajruport

Ħames titjiriet oħrajn jiġu ttardjati xi sigħat

Ħames titjiriet oħrajn tal-Air Malta ġew ittardjati xi sigħat skont is-sit tal-Air Malta. It-titjira KM 324 minn Frankfurt  ġiet ittardjata kważi b’seba’ siegħat hekk kif suppost kellha tibda l-vjaġġ tagħha lejn Frankfurt fit-8.10am iżda issa se tispiċċa titlaq fit-3pm. B’konsegwenza ta’ dan it-titjira minn Frankfurt għal Malta, KM 325, li kellha titlaq fis-2.10pm ġiet ittardjata wkoll.

It-titjira KM 306 li kellha titlaq minn Malta għal Munich fid-9.25am spiċċat sabiex ittardjat madwar siegħa u nofs hekk kif telqet mill-pajjiż fil-11am. Intant it-titjira skedata minn Munich għal Malta, KM 307 ukoll se ssofri xi ttardjar hekk kif suppost kellha titlaq fis-2.55pm iżda tmexxiet għall-4.30pm.

Titjira oħra minn Amsterdam għal Malta wkoll sofriet xi ttardjar hekk kif suppost kellha tasal malta fis-2.25pm u issa se tkun qed tasal fil-5pm.

Intant it-titjira minn Gatwick għal Malta, KM 117, li kienet skedata li tasal f’Malta fl-4pm se tasal fil-5.25pm. Kelliema għall-ajruport ta’ Gatwick kienu sostnew li minkejja li l-ajruport issa se jkun qed jopera bl-iskeda normali, il-passiġġiera għandhom jistennew l-ittardjar jew l-ikkanċellar tat-titjiriet tagħhom.

2 arrestati minħabba l-konfużjoni Gatwick

Intant, titjira oħra, din id-darba minn Malta għal Orly f’Pariġi, KM 466, se tkun qed tittardja wkoll b’madwar siegħa u nofs. Din kienet skedata li titlaq minn Malta fit-3.15pm, madanakollu skont is-sit tal-Air Malta, issa se tkun qed titlaq fil-5.10pm.