6 tipi ta’ ikel li m’għandekx taħsel

Jekk taħseb li meta taħsel dawn it-tipi ta’ ikel, se teħles mill-batterji, erġa’ aħsibha sew.

Tiġieġ u Ħut

Jekk normalment taħsel it-tiġieġ fis-sink qabel issajru, wasal iż-żmien li twaqqaf din id-drawwa. Mhux talli ma teħlisx mill-batterji mill-ikel, talli tista’ żżidhom u tirriskja l-kontaminazzjoni.

L-esperti jwissu li meta taħsel it-tiġieġ fis-sink, tirriskja li tifrex il-batterji mal-kċina kollha, fost l-oħrajnfuq uċuh nodfa meta ttajjar u tqattar. L-uniku mod effettiv biex teħles mill-batterji hu billi ssajjar l-ikel sew, u dan jgħodd ukoll għall-ħut nej u laħam ieħor.

Laħam aħmar

Minbarra li hu perikoluż li taħseb il-laħam daqs meta taħsel it-tiġieġ, bil-ħasil tkun qed iżżid l-ilma ġol-laħam. Waqt it-tisjir, dan l-ilma joħloq il-fwar u jaffetwa t-togħma tal-ikel. Jekk se timmarina l-laħam, żomm kollox fil-friġġ.

Prodotti u nsalati maħsulin minn qabel

Jekk fuq il-pakkett għandek imniżżel li dawn inħaslu qabel, m’għandekx għalfejn terġa’ taħsilhom. Tiffranka l-ħin u l-flus u fuq kollox tevita li meta tkun qed tipprepara l-ikel ħdejn ikel ieħor, ikollok riskju ta’ kontaminazzjoni.

Il-Faqqiegħ

Bħal-laħam, it-togħma ta-faqqiegħ tista’ tinbidel meta tħallihom ħafna fl-ilma. Mhux se jsiru perikolużi bil-ħasil imma l-koki jagħtu parir li timsaħhom b’maktur tal-karti umdu għax huma jassorbu l-ilma qishom sponża.

Il-Bajd

Xi wħud jikkunsidraw ukoll jaħslu l-bajd qabel jużawh f’xi riċetta. Il-bajd mibjugħ b’mod kummerċjali jitnaddaf qabel jinbiegħ. Sadattant, importanti li dawn jissajru sew biex jiġi evitat ir-riskju tas-salmonella.

L-Għaġin

Meta taħsel l-għaġin wara li ssajru, tkun qed tneħħi l-lamtu, li jagħmilha iktar diffiċli għaz-zlazi biex iżommu mal-għaġin. Ir-ross u l-quinoa għandhom jinħaslu bl-ilma eżatt qabel jissajru.