6 snin ħabs għall-ekssieħeb ta’ Yana Mintoff Bland

L-ekssieħeb ta’ Yana Mintoff Bland ingħata 6 snin ħabs talli ħebb għas-sieħba tiegħu u attakkaha b’sikkina.
Il-każ seħħ f’Ottubru tas-sena l-oħra, meta r-Rumen ta’ 40 sena,  Gheorghe Popa, mar fir-residenza ta’ bint Dom Mintoff wara li din iddeċidiet li twaqqaf ir-relazzjoni li kellha miegħu.
Yana kienet sofriet ġrieħi f’idejha, filwaqt li binha li kien magħha, Daniel Mainwaring, sofra ġrieħi f’saqajh.
Hu mifhum li anki Popa kellu daqqiet ta’ sikkina fl-istonku, li skont l-esperti għamilhom hu stess fuqu nnifsu.
Popa pprova wkoll jagħti n-nar lir-residenza ta’ Yana.
Il-każ ħa 10 seduti l-Qorti, u 42 persuna xehdet fil-Qorti, li b’kollox issarrfu f’sentenza mill-Maġistrat Joe Mifsud twila 70 faċċata.
Mifsud qal fil-Qorti li persuni bħall-imputat li jintlaqgħu fil-pajjiż iżda jiksru l-liġi jagħmlu ħsara kbira lill-ħafna l-oħra li jirrispettaw il-liġijiet Maltin.
Sostna iżda biex l-awtoritajiet ma jibqgħux ċassi quddiem sitwazzjonijiet bħal dawn.
“Fis-soċjetà qegħdin naraw sitwazzjonijiet fejn jibdew relazzjonijiet ħafna drabi mibnija fuq ir-ramel jew permezz tal-mezzi soċjali u meta dawn ifallu jkun hemm min ma jaċċettax li f’dawn it-tip ta’ relazzjonijiet ikun hemm expiry date”, qal il-Maġistrat. 
Kompla jenfasizza li min ikun f’relazzjoni jrid jaċċetta d-deċiżjoni tan-naħa l-oħra li ttemm l-istess relazzjoni.
Dwar il-każ irrimarka li jista’ jkun l-imputat ħalla l-emozzjonijiet jiġru bih, speċjalment meta pprova jneħħi ħajtu bid-daqqiet ta’ sikkina fl-istonku, iżda dak li pprova jagħmel ma jista’ jiġi ġġustifikat qatt.
Temm jgħid li Popa huwa ta’ periklu kemm għal Yana Mintoff Bland, iżda anki għas-soċjetà Maltija kollha, huwa u jagħti s-sentenza msemmija.
Barra mill-ħabs, Popa ġie ordnat iħallas l-ispejjeż tal-Qorti beix taħtar l-esperti, jiġifieri €12,661.