6 siti storiċi se jiġu restawrati

Sitt postijiet storiċi se jiġu restawrati mid-Direttorat tar-Restawr fil-ġimgħat li ġejjin wara li ġew magħżula minn bord ta’ għażla minn fost 25 sottomissjonijiet li tressqu mid-diversi Kunsilli Lokali ta' Malta.
Dawn is-siti huma:

  • il-faċċata tal-kappella tal-Qtugħ ir-Ras ta’ San Ġwann fis-Siġġiewi
  • il-faċċata tal-kappella ta’ San Ġwann il-Battista fil-Għargħur
  • in-niċċa tal-Madonna tal-Karmnu f’Raħal Ġdid
  • il-Ħajt tal-Matla fl-Imqabba
  • il-faċċata taċ-Ċentru Parrokkjali f’Ħal Safi u
  • l-faċċata tal-Knisja tal-Ħġejjeġ f’San Pawl il-Baħar.

Permezz ta’ din l-iskema l-kunsilli lokali jingħataw l-opportunità li jipproponu huma l-postijiet li jixtiequ jiġu restawrati.  
Il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici qal li bis-saħħa ta’ din l-inizjattiva tad-Direttorat tar-Restawr, li issa daħlet fit-tielet sena tagħha, il-kunsilli lokali ta’ Malta qed jingħataw vuċi b’saħħitha għat-tisħiħ tal-wirt storiku fil-komunitajiet.
Saħaq li l-Gvern għandu obbligu li jipproteġi l-wirt kulturali għani ta’ pajjiżna u sostna li d-Direttorat tar-Restawr qed jagħmel xogħol tajjeb ferm f’dan ir-rigward.
Sabiex jiġi żgurat li iktar kunsilli lokali jibbenefikaw minn din l-inizjattiva, il-kunsilli lokali li jkunu bbenefikaw fit-tliet snin ta’ qabel ma jkunux jistgħu japplikaw.
 Fl-aħħar tliet snin id-Direttorat tar-Restawr wettaq jew qed iwettaq 50 proġett ta’ restawr f’31 lokalità differenti.