6 persuni mmultati talli saqu xurbana f’Għawdex

Sitt persuni ġew immultati ftit inqas minn €12,000 talli saqu taħt l-effett tal-alkoħol f’Għawdex.

Il-Pulizija qalet fi stqarrija li fl-aħħar xhur, it-Taqsima tat-Traffiku ta’ Għawdex wettqu rondi biex jinqabdu dawk li jkunu qegħdin jabbużaw waqt is-sewqan u fl-istess waqt ikunu protetti dawk li jkunu għaddejjin fit-toroq.

Is-sitt persuni inkwistjoni tressqu quddiem il-Qorti tal-Maġistrati ta’ Għawdex fejn instabu ħatja li saqu taħt l-effett tal-alkoħol.

Wieħed minnhom instab ħati wkoll li ma kellux polza tal-assigurazzjoni, u kellu l-liċenzja tat-traffiku sospiża għal sena. Il-ħames persuni l-oħra kellhom l-liċenzja tas-sewqan sospiża għal sitt xhur.

Numru ta’ persuni oħra se jkunu akkużati fit-Tribunal dwar kontravenzjonijiet varji.
Il-Qorti kienet ippreseduta mill-Maġistrat Joe Mifsud. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Josef Gauci mid-Distrett ta’ Għawdex.