6 persuni jaggredixxu lill-Pulizija fil-lejl li għadda

Arkivji

Read in English.

Sitt persuni ġew arrestati f’San Ġiljan wara li aggredew lill-uffiċjali tal-Pulizija fil-lejl li għadda hekk kif instabu fi grupp ta’ iktar minn 4 persuni quddiem stabbiliment tax-xorb. L-inċident seħħ għall-ħabta tal-10pm tal-Ġimgħa filgħaxija. L-istabbiliment li jinsab fix-Xatt ta’ Spinola, kien miftuħ u kien hemm għadd ta’ persuni miġburin quddiemu u anke fuq ġewwa kien miftuħ illegalment bi ksur ukoll tal-Avviż Legali.

Fi stqarrija, il-Pulizija qalu li tliet irġiel u tliet nisa, kollha Spanjoli, aggredew għall-Pulizija.

Kif ġara l-każ?

Żewġt irġiel ta’ 35 sena u 24 sena kienu arrestat wara li ħebbew għal żewġ kuntistabbli tal-Pulizija, waqt li kien arrestat raġel ieħor ta’ 29 sena li ma kkoperax ukoll mal-Pulizija. Mara ta’ 36 sena kienet arrestata wara li mbuttat u kissret in-nuċċali ta’ Surġent tal-Pulizija, kif ukoll għamlet ħsara fuq apparat tar-radju tal-Pulizija u ħsara fuq il-vettura tal-Pulizija. Kienu arrestati wkoll mara ta’ 21 sena li bdiet issabbat mal-vettura tal-Pulizija u mara ta’ 23 sena li wkoll ma bdietx tikkopera mal-Pulizija u anke bdiet timbotta lill-istess Pulizija.

Fuq il-post intalbet l-assistenza tal-RIU, bil-persuni kollha arrestati ttieħdu l-Għassa ta’ San Ġiljan. Waqt li kienu fl-Għassa u wara fid-Depot fil-Floriana, uħud minnhom komplew ikunu agressivi fil-konfront tal-Pulizija. Il-persuni arrestati mistennija jitressqu l-Qorti aktar ‘il quddiem.

Intant, il-Pulizija tkellmu wkoll mas-sidien tal-istabbiliment fejn ġew infurmati li se tinħareġ taħrika fil-konfront tal-istabbiliment hekk kif ma kellux permess biex jopera.