6 modi kif tipprevjeni l-kanċer tal-ġilda

Kif beda joqrob is-sajf, bosta jibdew iħejju ruħhom biex jilagħqu x-xemx: joħorġu l-ħwejjeġ imqaċċtin, ilestu n-nuċċalijiet tax-xemx u jippreparaw ruħhom għal xemxata tajba. Iżda llum, l-ewwel Tnejn ta’ Mejju, huwa magħruf fid-dinja bħala Menaloma Monday – il-jum li jfakkarna fil-ħsara kollha li tista’ tagħmel ix-xemx, li tista’ tikkawża kanċer tal-ġilda.

Allura, x’tista’ tagħmel biex tevita li jaqbdek kanċer fil-ġilda?

1. Agħmel check-up ta’ kull sena

Żjarat annwali għand id-dermatologu huma importanti, u mod tajjeb kif iżżomm kont ta’ kif tinbidel il-ġilda. Id-dermatologi jwissu li dak li jidher qisu musmar jew felula jista’ jkun kanċer tal-ġilda.

2. Agħmel is-sunblock ta’ kuljum
Minkejja li jkun temp imsaħħab, xorta waħda għandek tagħmel is-sunblock. Ir-radjazzjoni tar-raġġi UV tippenetra s-sħab u tista’ tagħmillek il-ħsara fil-ġilda. Id-dermatologi jissuġġerixxu li meta wieħed ikun qed jagħmel l-eżerċizzju jew ikun qed jgħum, jagħmel is-sunblock kull 20 minuta. Is-sunblock huwa importanti speċjalment fl-agħar ħin tax-xemx, bejn il-11am u s-2pm. Għandu jkollu SPF ta’ tal-inqas 30.
3. Tmurx tixxemmex
Għamilt is-sunblock, imma xorta waħda qed tesponi ġismek għax-xemx? Li jkollok dak il-kulur kannella għandu l-konsegwenzi perikolużi tiegħu. Ir-raġġi UV tax-xemx jagħmlu l-ħsara lid-DNA taċ-ċelloli f’ġisimna. Meta dawn iċ-ċelloli ssirilhom il-ħsara, dan jista’ jwassal għall-kanċer tal-ġilda. Meta wieħed ikun ħdejn il-baħar, għandu jagħmel is-sunblock tal-inqas kull sagħtejn jew 3 sigħat.

4. Evita t-tanning beds

Ir-radjazzjoni li toħroġ minn deckchairs apposta għas-smurija tal-ġisem li jintużaw ġewwa xi drabi hija aktar qawwija mir-radjazzjoni tax-xemx, u dan jista’ jkun ta’ periklu serju.

5. Ilbes ħwejjeġ addattati 
Għalkemm fil-qilla tax-xemx, aktar inkunu rridu nqaċċtu, id-dermatologi jagħtu parir li ma nqaċċtu xejn. Anzi, jissuġġerixxu li aktar noqogħdu attenti x’nilbsu, minflok il-ħwejjeġ normali bil-qoton. Wieħed jista’ jfittex ħwejjeġ apposta li jipproteġuh mix-xemx u jkollhom tabella tal-UPF – Ultraviolet Protective Factor. Dawn il-ħwejjeġ mhux biss jgħinuna nevitaw il-kanċer tal-ġilda, imma anke xemxati kbar. In-nuċċali tax-xemx hu importanti wkoll.
6. Iċċekkja lilek innifsek
Jekk tħobb tilgħaq ix-xemx, għandek ġilda ċara jew kien hemm xi ħadd f’familtek li kellu kanċer tal-ġilda, għandek tiċċekkja l-ġilda tiegħek stess darba kull xahar. U ċċekkja ġismek kollu, anke postijiet li ġeneralment ma jkunux esposti għax-xemx, għax il-kanċer tal-ġilda jaf jattakka hemm ukoll. Jekk tilmaħ dmija, ħruq, ħakk jew xi selħa li m’għaddietlekx, għandek tmur tara dermatologu.