6 midalji għal Malta fil-Logħob tal-Istati ż-Żgħar tal-Ewropa

GSSE Montenegro 2019

Fl-ewwel jum, l-atleti Maltin irnexxielhom jiksbu 6 midalji fil-Judo u l-għawm.

Jeremy Saywell rebaħ l-ewwel midalja għal Malta hekk kif wasal sal-finali tal-judo fil-kategorija ta’ taħt is-66kg. Saywell irnexxielu jikseb il-fidda. Fid-dixxiplina tal-għawm Harry Stacey rebaħ midalja tal-fidda fil-100m freestyle filwaqt li Mikhail Umnov rebaħ midalja tal-bronż fil-200m butterfly. It-tim kompost minn Matthew Galea, Harry Stacey, Andrew Chetcuti u Dylan Cachia rebaħ midalja tal-fidda fil-4x100m freestyle filwaqt li t-tim tan-nisa kompost minn Maya Azzopardi, Francesca Falzon Young, Martina Valletta u Michelle Van Rooyen rebaħ midalja tal-bronż fil-4x100m freestlye. Fit-tellieqa individwali tal-200m medley, Maya Azzopardi irnexxielha tirbaħ il-midalja tal-bronż.

Tim ta’ atleti Maltin jinsabu f’Montenegro biex jieħdu sehem fit-18-il edizzjoni tal-Logħob tal-Istati ż-Żgħar tal-Ewropa. L-aspettattivi huma għoljin għall-atleti Maltin hekk kif għandhom ċans itejbu l-prestazzjoni tagħhom u jiksbu aktar midalji mis-snin preċedenti. Sentejn ilu f’San Marino, irnexxielhom iġibu lejn Malta, b’kollox 29 midalja.