6 membri tal-Korp tal-Pulizija jingħataw premju għal xogħolhom

Sitt membri tal-Korp tal-Pulizija ngħataw ċertifikat ta’ kommendazzjoni għal xogħlijiet partikolari li wettqu matul l-2013 u l-2014.
PS 1585 James Weatherill u PC 103 Ton Joe Farrugia irnexxielhom jaqbdu fil-fatt żewġ persuni li kienu qed jikkommettu serq minn ġo residenza waqt li kienu xogħol l-Għassa ta’ Ħaż-Żebbuġ,
PC 79 Antoine Grixti ta servizz eċċellenti lil żewġ persuni ta’ nazzjonalita` Iżraeljana waqt li kien xogħol fl-għassa tal-Belt Valletta,
PC 173 Jonathan Agius intervjena u ħa l-passi neċessarji dwar mutur illi kien jidher ipparkjat mal-ġenb tat-triq, fejn wara rriżulta li kien irrapurtat misruq,
PS 435 David D’Amato ħa sehem f’diversi attivitajiet relatati ma’ proġetti tal-FRONTEX ġewwa l-Greċja u li fihom irrappreżenta lill-Korp tal-Pulizija ta’ Malta, u
PC 840 Roderick Psaila qabeż il-baħar u kien strumentali sabiex isalva l-ħajja ta’ persuna li kienet maqbuda fil-vettura tagħha, li aċċidentalment waqgħet fil-baħar.
Dan tal-aħħar huma r-rebbieħ tal-premju Ufficjal tas-Sena.
Intant, distrett numru erbgħa li jikkonsisti f’Bormla, l-Isla, il-Birgu, il-Kalkara, Ħaz-Żabbar, ix-Xgħajra u Wied il-Għajn rebaħ ix-shield talli rnexxielu jnaqqas ir-rata tal-kriminalita` fil-lokalita` tiegħu, kif ikkumparat mas-sena l-oħra.
Iċ-ċerimonja ttellgħet aktar kmieni dalgħodu fis-Sala Vilhena fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija.
Qabel iċ-ċerimonja saret ukoll quddiesa ċċelebrata mill-Kappillan tal-Korp, Fr Raymond Bonnici OFM.