6 mejta wara attakk b’arma tan-nar f’Kalifornja

Raġel spara u qatel ħames persuni, qabel ma qatel lilu nnifsu f’serje ta’ sparaturi li saru fin-Nofsinhar ta’ Kalifornja lbieraħ skont Pulizija.

Skont Reuters, fost il-vittmi ġie identifikat li hu qatel lil martu u raġel li jaħdem f’kumpanija tat-trakkijiet ġewwa Bakersfield. Hu mbagħad qatel raġel ieħor f’kumpanija oħra viċin u żewġt irġiel f’residenza oħra. Wara dan hu saq karozza sakemm twaqqaf minn pulizija u kien hemmhekk li neħħa ħajtu.

L-awtoritajiet qed jaħdmu sabiex jiddeterminaw x’wassal sabiex dan ir-raġel joqtol speċifikament lil dawn il-persuni. Ix-Sheriff sostna li hemm bżonn jinstab għaliex inqatlu daqshekk persuni u x’inhi l-konnessjoni bejniethom. S’issa d-dettalji tal-aggressur u l-vittma għadhom ma ħarġux fil-pubbliku.