6 kappelli medjevali jingħataw protezzjoni

Sitt kappelli medjevali ġew skedati f’livell ta’ Grad 1 u b’hekk se jibdew jingħataw l-ogħla protezzjoni meħtieġa.

Dan wara li saru s-sottomissjonijiet mis-Sovritendenza tal-Patrimonju Kulturali quddiem il-Kunsill Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Ippjanar.

Is-sitt siti li fuqhom saret il-proposta tal-iskedar huma Santa Duminka f’Ħad-Dingli (Ħal Tartani), Santa Marija ta’ Bir Miftuħ fil-Gudja, San Ċir fir-Rabat, Wasla tal-Familja Mqaddsa mill-Eġittu f’Kemmuna, Santa Marija ta’ Ħal Xluq fis-Siġġiewi u Santa Marija tas-Sokkors f’Bormla. 

Tnejn minn dawn il-kappelli (ta’ Santa Duminka f’Ħad-Dingli u ta’ Santa Marija ta’ Bir Miftuħ fil-Gudja) kienu fost l-ewwel 10 parroċċi li kienu dokumentati fl-1436, minbarra dawk tal-Birgu u l-Imdina.  

Il-kappella ta’ Ħad-Dingli kienet f’periklu li tinqered dan l-aħħar billi Infrastructure Malta riedet tgħaddi triq minn ġol-għelieqi fil-madwar. Diversi attivisti u residenti opponew dan l-iżvilupp u għamlu protesta fiż-żona sabiex dan ma jsirx. Il-Moviment Graffitti rnexxielhom iwaqqfu dan il-pjan. Madankollu, l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) ħarġet permess lill-Infrastructure Malta biex tqaċċat żewġ siġriet tal-ħarrub kbar f’din l-istess żona.

Il-Ministru José Herrera stqarr li, “Huwa importanti li binjiet storiċi li għandna f’pajjiżna jkomplu jiġu salvagwardjati u protetti hekk kif dawn il-binjiet huma parti integrali mill-istorja u l-identità ta’ pajjiżna.”