6 jinżammu arrestati dwar traffikar uman

Missier u ż-żewġt uliedu ma ngħatawx il-ħelsien mill-arrest wara li ġew akkużati li traffikaw persuni mill-Filippini u allegatament impjegawhom fil-kumpanija tagħhom.
Għaldaqstant, il-missier, ta’ 63 sena u ż-żewġt uliedu, raġel ta’ 34 sena u mara ta’ 31 sena, wieġbu mhux ħatja għall-akkużi.
L-avukat tad-difiża saħaq li dan ma kienx każ ta’ traffikar ta’ persuni u semma li l-iben għandu l-lewkimja u għalhekk għandu jingħata l-ħelsien mill-arrest b’referenza għall-fatt li reċentament, Christopher Bartolo, ingħata l-ħelsien temporanju minħabba li marid bil-kliewi.
L-argument kontra l-akkużati kien dak li huma wegħdu lil dawn in-nies li se jsibu ħajja aħjar jekk jiġu jaħdmu Malta, iżda jisħqu li s-sitwazzjoni li jispiċċaw fiha dawn in-nies tkun agħar minn dik ta’ pajjiżhom.
Filwaqt li l-Qorti qalet li ma għandha l-ebda problema li ssir talba sabiex l-iben jittieħed l-Isptar Mater Dei, ma laqgħetx it-talba tad-difiża sabiex l-akkużati jinħelsu mill-arrest bħala salvagwardja sabiex ma jkunx hemm ċans li l-imputati jitkellmu max-xhieda jew ibagħbsu l-evidenza.
It-tliet akkużat se jkunu qed jinżammu arrestati fis-Sezzjoni Forensika f’Monte Karmeli.
Jinżammu taħt arrest tliet nisa Filippini
Dalgħodu tressqu wkoll il-Qorti tliet nisa Filippini li jaħdmu fl-istess kumpanija u li qed jiġu akkużati li taw l-għajnuna tagħhom sabiex jiġu traffikati n-nies minn pajjiżhom għall-flus.
L-avukati tad-difiża talbu l-ħelsien mill-arrest tat-tliet nisa fejn qalu li waħda minnhom ilha tgħix Malta għal dawn l-aħħar tmien snin u li l-unika ħaġa li għamlet kienet li ħeġġet lil sħabha biex jiġu jaħdmu Malta.
Fir-rigward taż-żewġ nisa l-oħra, l-avukati saħqu li t-tnejn li huma għandhom tfal żgħar dipendenti minnhom u li mhux se jaħarbu minn Malta minħabba li għandhom il-familja tagħhom hawn.
Madanakollu l-Qorti ma tatx il-ħelsien mill-arrest hekk kif qalet li jista’ jkun hemm ċans li n-nisa jagħmlu kuntatt mal-kumplament tax-xhieda.
Kif inqabdu dawn il-persuni?
Skont stqarrija konġunta mill-Ministeru għas-Sigurtà Nazzjonali u s-Segretarjat Parlamentari għaċ-Ċittadinanza, il-każ ġie rrappurtat lill-Pulizija wara riċerka intensiva minn Identity Malta, li ftit tax-xhur ilu bdiet ħidma biex tkisser iċ-ċrieki ta' traffikar uman.