6 ħatriet ġodda fil-ġudikatura; 3 imħallfin u 3 maġistrati

Il-Ministeru għall-Ġustizzja ħabbar sitt ħatriet ġodda fil-ġudikatura, tliet imħallfin u tliet maġistrati li kollha ġew approvati mill-Kumitat tal-Għażla tal-Ġudikanti. Dan minkejja l-protest ġudizzjarju mressaq quddiem il-Qorti xi jiem ilu mill-għaqda Repubblika fejn il-Prim Ministru Joseph Muscat u l-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonnici intalbu jwaqqfu l-ħatriet.

L-għaqda Repubblika kienet talbet sabiex il-ħatriet tal-Imħallfin u l-Maġistrati kollha jieqfu sakemm titwettaq ir-riforma li l-Kummissjoni Venezja rrakkomandat lill-Gvern Malti lejn it-tmiem tas-sena l-oħra. Il-Kummissjoni Venezja kienet għamlet rakkomandazzjoni biex il-Ġudikatura tkun indipendenti mill-Gvern.

Għaldaqstant, il-Gvern tenna llum li l-ħatriet li saru kienu “skont kif trid il-Kostituzzjoni”. Issa, l-ammont ta’ Imħallfin se jkun ta’ 24, filwaqt li l-ammont ta’ Maġistrati se jibqa’ ta’ 22. L-Imħallfin ġodda se jkunu l-Imħallef Francesco Depasquale, l-Imħallef Joanne Vella Cuschieri u l-Imħallef Aaron Bugeja. Intant il-Maġistrati huma Dr Nadine Lia, Dr Victor Axiak u Dr Bridget Sultana.

Repubblika b’rikors biex il-Qorti tordna lill-Gvern jieqaf jagħmel il-ħatriet

Wara t-tħabbira mill-Gvern, l-għaqda Repubblika daħħlet rikors fil-Prim Awla tal-Qorti Ċivili fejn talbet lill-Qorti tordna lill-Gvern biex jieqaf milli jaħtar Imħallfin u Maġistrati ġodda sakemm jibdel is-sistema tal-għażla tal-ġudikanti b’mod li jassigura l-Indipendenza tal-Ġudikatura.

Fi stqarrija ġie spjegat li l-Gvern diġà rrikonoxxa dak li qalet il-Kummissjoni Venezja, li s-sistema preżenti kif jintgħażlu l-imħallfin tfisser li l-ġudikatura m’hix indipendenti. Repubblika sostniet li l-Gvern ukoll, fi stqarrijiet pubbliċi, impenja ruħu li jibdel is-sistema kif jinħatru l-ġudikanti biex jiggarantixxi l-indipendenza tal-ġudikatura.

Sostniet li minkejja kollox, issa l-Gvern ħabbar li se jaħtar sitt ġudikanti ġodda b’sistema li diġà ammetta tfisser indħil żejjed tal-Gvern fuq l-indipendenza tal-ġudikatura.

Repubblika tenniet li l-kawża li fetħet dalgħodu għandha sinifikat kbir għax titlob lill-Qrati jeżaminaw il-kwalità tad-demokrazija tal-pajjiż.

Min huma s-sitt persuni li ħadu kariga fil-Ġudikatura?

Francesco Depasquale

Dr Francesco Depasquale – Imħallef

Dr Francesco Depasquale laħaq avukat fl-1995 u segwa l-istudji tiegħu b’Masters fil-Liġi Marittima b’distinction mill-International Maritime Law Institute fi ħdan l-IMO. Meta kien student huwa kien attiv kemm fi ħdan l-Għaqda Studenti tal-Liġi, il-European Law Students Association u l-Kunsill Studenti Universitarji. Huwa serva fil-Malta Maritime Law Association u fil-Kamra tal-Avukati.

Huwa nħatar maġistrat fl-2011 u sena wara ġie elett Segretarju Ġenerali tal-Assoċjazzjoni tal-Imħallfin u Maġistrati ta’ Malta. Dr Depasquale ilu sa mill-2007 jirrappreżenta lil pajjiżna fuq l-Assoċjazzjoni Ewropea dwar l-Effiċjenza fil-Ġustizzja (CEPEJ) fi ħdan il-Kunsill tal-Ewropa.

Huwa miżżewweġ u għandu żewġt itfal.

Joanne Vella Cuschieri

Dr Joanne Vella Cuschieri – Imħallef

Dr Vella Cuschieri laħqet avukat fl-2001 u kompliet l-istudji tagħha b’Magister Juris fid-dritt Ewropew. Hija ħadmet bħala avukat fil-prattika privata u bħala konsulenta legali dwar il-liġijiet tax-xogħol u tal-ippjanar. Serviet ukoll fuq il-Qorti tal-Konċiljazzjoni u l-Arbitraġġ fi ħdan l-OSCE. Dr Vella Cuschieri laħqet maġistrat fl-2014 fejn serviet estensivament fil-Qorti ta’ Għawdex.

Hija miżżewġa u għandha tlett itfal.

Judge Aaron Bugeja

Dr Aaron Bugeja – Imħallef

Dr Aaron Bugeja laħaq avukat fl-1995 u segwa l-istudji tiegħu b’M.A. fil-Liġi fl-2012.

Wara karriera fil-prattika privata, huwa ħadem bħala prosekutur fi ħdan l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali (2006-2013) sa ma nħatar maġistrat fl-14 ta’ Lulju 2013. Huwa ilu sa minn Ottubru tal-2007 jgħallem il-proċedura kriminali fi ħdan l-Università ta’ Malta bħala senior visiting lecturer. Huwa rrappreżenta lil pajjiżna f’diversi strutturi internazzjonali marbuta mad-dritt penali.

Huwa miżżewweġ u għandu żewġt itfal.

Dr Nadine Lia

Dr Nadine Lia – Maġistrat

Dr Nadine Lia laħqet avukat fl-2004 u sentejn wara saret ukoll barrister fil-ġurisdizzjonijiet tal-Ingilterra u Wales.

Wara li ħadmet għal xi żmien bħala membru tal-korp diplomatiku, hija ħadmet bħala barrister ma’ Middle Temple Inn ta’ Londra. Hija studjat fl-Università ta’ Malta, fl-Università ta’ Western Ontario l-Kanada u fl-Università ta’ Canterbury f’Kent, il-Gran Brittanja. Wara, ħadmet fl-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali ta’ Malta bħala prosekutur u imbagħad bħala avukat fil-prattika privata fejn anke tat konsulenza fuq il-liġi tan-negozji tal-familja.

Dr Lia tgħallem il-liġi fi ħdan il-Fakultà tal-Liġi fl-Università ta’ Malta u ngħatat diversi rikonoxximenti internazzjonali għax-xogħol tagħha.

Hija miżżewġa u għandha żewġt itfal.

Victor Axiak

Dr Victor Axiak – Maġistrat

Dr Axiak laħaq avukat fl-2005 u kompla l-istudji tiegħu fil-kamp tat-taxxa mal-Istitut Malti dwar it-Tassazzjoni. Huwa ħadem fil-prattika privata fuq oqsma marbuta mal-liġi kummerċjali u dik ċivili.

Serva għal diversi snin bħala konsulent legali tad-Dipartiment tat-Taxxi Interni u dak li kien magħruf bħala d-Dipartiment tal-Artijiet. Huwa ħadem ukoll estensivament fil-kamp tal-liġi tal-immigrazzjoni.

Dr Axiak huwa miżżewweġ u għandu żewġt itfal.

Bridget Sultana

Dr Bridgette Sultana – Maġistrat

Dr Sultana laħqet avukat fl-1995. Hija għamlet karriera twila fis-Servizz Pubbliku bħala avukat fi ħdan il-Ministeru għas-Saħħa u llum tokkupa l-kariga ta’ direttur responsabbli mis-servizzi legali f’dan il-ministeru fejn ħadmet estensivament fl-aspetti legali tal-kamp tal-mediċina.

Studjat l-Università ta’ Malta u kompliet l-istudji tagħha b’M.A. mill-Università ta’ Cardiff. Hija segwiet ukoll b’suċċess korsijiet u programmi fl-Università ta’ Rotterdam u l-Università ta’ Harvard.

Dr Sultana għandha żewġt itfal.