​6 għasafar protetti oħra fil-mira tal-kaċċaturi

Fl-aħħar tliet ijiem instabu sitt għasafar protetti feruti wara li dawn intlaqtu minn tiri skont il-BirdLife Malta.
L-għaqda qalet li f’dawn l-aħħar jiem inġabru Daqquqa tat-Toppu mill-Miżieb, żewġ Spanjuletti, Kuċċarda, Gawwija Prima u Kokka tax-Xagħri.
Il-BirdLife spjegat li dan ifisser li t-total ta’ tajr protett li jafu li spiċċa vittma tal-kaċċa illegali s’issa f’dan l-istaġun tal-ħarifa tela’ għal 32. Iddeskrivewh bħala “l-agħar staġun f’dawn l-aħħar snin”.
Fi stqarrija, l-għaqda saħqet li l-fatt li l-Gvern qed jibqa’ sieket u mhu jieħu l-ebda azzjoni juri biċ-ċar li fejn tidħol il-kaċċa illegali dan il-Gvern ma jimpurtah xejn.
Il-BirdLife tħoss li filwaqt li f’ħafna oqsma ambjentali dan il-Gvern huwa kuraġġuż, dan mhuwiex il-każ għall-protezzjoni tal-għasafar.
Newsbook.com.mt kien bagħat mistoqsijiet lill-Kumitat Ornis dwar x’azzjoni beħsiebu jieħu fid-dawl ta’ dawn l-illegalitajiet. It-tweġibiet tal-Kumitat baqgħu ma waslux.