6 għaqdiet ambjentali jiftħu kawża fuq l-Aħrax u l-Miżieb

Ahrax Mellieha

Read in English.

Sitt għaqdiet ambjentali se jiftħu kawża quddiem it-Tribunal ta’ Reviżjoni Amministrattiva sabiex jiġi annullat il-ftehim ta’ kurazija fuq l-Aħrax tal-Mellieħa u l-Miżieb li sar bejn il-Gvern u l-FKNK.

Ġew depożitati żewġ azzjonijiet separati iżda magħquda fl-istess għan, fl-avukat Claire Bonello tirrapreżenta lil BirdLife Malta, Moviment Graffitti, Din l-Art Ħelwa, Friends of the Earth (Malta), Flimkien għal Ambjent Aħjar u lill-Prof. Edward Mallia. L-avukati Joseph Ellis u Martin Farrugia ser jirrapreżentaw lil The Ramblers’ Association of Malta fl-istess każ.

L-għaqdiet se jsostnu li l-Awtorità tal-Artijiet aġixxiet b’mod arbitrarju, xejn trapsarenti, diskriminatorju u nieqes mir-raġonevolezza, kif ukoll li wettqet ħafna żbalji proċedurali u li aġixxiet lil’hinn mill-poter li tagħtiha l-liġi. Jinsistu li għamlet konsiderazzjonijiet mhux xierqa u rrelevanti biex toħloq dan il-ftehim u tagħti din il-konċessjoni , li ser jostakolaw it-tgawdija tal-kampanja mill-pubbliku għal biċċa l-kbira tas-sena biex jiġu akkomodati l-minoranza żgħira li huma membri tal-FKNK.

Qegħdin isostnu wkoll li l-liġi tal-Unjoni Ewropea ġiet miksura meta l-gvern naqas milli jagħmelu studju biex jiġi meqjus l-impatt ambjentali ta’ din il-konċessjoni, kif ukoll meta l-ftehim ġie nnegozjat b’mod sigriet, b’mod li ċaħad lill-pubbliku milli jipparteċipa fit-tfassil tal-pjanijiet tal-immaniġġjar ta’ dawn iż-żewġ siti.

Żiedu li l-konċessjoni mogħtija għas-somma “ridikola” ta’ €400 sabiex ftit kaċċaturi jgawdu se tfisser kontribuzzjonijiet kbar mitlufa għall-Fond tal-Ambjent.

Qed jikkontestaw dan il-ftehim ukoll għax jorbot lill-Ministru responsabbli mill-kaċċa li jimpjega conservation officers li se jkunu taħt il-kmand tal-FKNK, anke jekk ministru – li ma jitqiesx bħala uffiċjal pubbliku – ma jista’ jħaddem lil ħadd b’mod dirett.

Fl-aħħar, qed isostnu li l-ftehim inaqqar mill-protezzjonijiet li jeżistu għaż-żoni ta’ demanju pubbliku, u li b’hekk jikser kemm il-Liġi tad-Demanju Pubbliku u kemm il-Protokoll għall-Immaniġġjar taż-Żoni Kostali.

L-għaqdiet ħeġġew ukoll lill-pubbliku biex jappoġġja l-isforzi tagħhom billi jattendi d-dimostrazzjoni paċifika b’distanza soċjali li ser issir quddiem Kastilja nhar is-Sibt 31 ta’ Ottubru fl-10:00am.