​6 deputati tal-PN jastjenu wara li ma ngħatawx vot ħieles

Sitt Membri Parlamentari Nazzjonalisti astjenew mill-vot li ttieħed fil-Parlament illum dwar l-IVF, dwar mozzjoni li ressqet l-Oppożizzjoni stess.
Fi stqarrija, l-MPs Mario de Marco, Therese Comodini Cachia, Karl Gouder, Karol Aquilina, Simon Busuttil, u Chris Said b’dispjaċir qalu li minkejja li talbu biex jingħata vot ħieles, it-talba tagħhom ma ntlaqgħetx.
Qalu li fil-prinċipju huma kontra l-mozzjoni mressqa mill-PN illum fil-Parlament.
Is-sitt deputati kitbu li dehrilhom li t-triq għaqlija tkun waħda li minn banda, tirrispetta l-fehma tagħhom li din il-mozzjoni tmur kontra il-prinċipji li jemmnu fihom u mill-banda l-oħra, id-deċiżjoni tal-maġġoranza tal-Grupp Parlamentari li ħass li din il-mozzjoni għandha titressaq.”
Il-MPs qalu li dik “it-triq għaqlija” kienet li ma jipparteċipawx fil-vot immexxi mill-Oppożizzjoni.
Fl-istqarrija, id-deputati tal-PN qalu li kull deputat għandu l-obbligu li fi kwistjoni ta' kuxjenza jesprimi l-vot tiegħu u li huma għażlu li jesprimu ruħhom permezz ta’ din l-istess stqarrija. Madanakollu, saħqu li ma kinux komdi jivvutaw favur il-Gvern.
Is-sitt MPs spjegaw li jemmnu “bil-qawwa kollha” li koppji għandhom igawdu mill-benefiċċju tal-IVF mingħajr distinzjoni jew diskriminazzjoni.
Waqt li kienu għadu kandidat għall-kariga ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia kien wiegħed li jagħti l-vot ħieles lid-deputati tiegħu fuq temi etiċi u morali, biex fi kliemu, ħadd ma jħossu mfixkel.
“Le” għall-mozzjoni tal-PN fuq l-IVF
Il-mozzjoni li l-Oppożizzjoni Nazzjonalista ressqet fil-Parlament dwar l-Avviż Legali fuq l-IVF, m’għaddietx b’37 vot kontra u 21 vot favur.
Waqt is-seduta, il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia qal li l-Avviż Legali dwar l-IVF kellu definizzjoni dwar ġenituri prospettivi, li ma kinitx konformi mad-definizzjoni li tinsab fl-Att dwar il-Protezzjoni tal-Embrijuni tal-2012.
Delia kompla jispjega li l-liġi prinċipali trid tinbidel qabel ma’ jidħol fis-seħħ l-Avviż Legali.
Id-Deputat Prim Ministru u l-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li l-Gvern kellu mandat biex jibdel il-liġi tal-IVF. Saħaq li l-Gvern se jkun qed jivvota kontra l-mozzjoni tal-Oppożizzjoni li fil-fehma tiegħu hija diskriminatorja.
Il-Membru Parlamentari tal-Partit Demokratiku Godfrey Farrugia staqsa lid-deputati l-oħra x’hemm ħażin billi wieħed jagħti opportunità lin-nies li jkollhom it-tfal, jekk kien hemm metodi xjentifiċi għad-dispożizzjoni tagħhom. Qal li se jkun qed jivvota kontra l-mozzjoni tal-Oppożizzjoni.
Il-Membru Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista Edwin Vassallo qal li l-Gvern biddel id-dibattitu f’logħba politika. Vassallo talab lid-deputati tal-Partit Laburista biex jiddikjaraw jekk humiex favur is-surrogacy u l-gamete donation.
Min-naħa tiegħu, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li ma jafx jekk l-Oppożizzjoni taqbilx magħha nnifisha jew le. Muscat stqarr li jixtieq li l-IVF ikun aċċessibbli għal kemm jista’ jkun nies.
Saħaq li l-Gvern Laburista jrid li dawk li jagħmlu użu mill-IVF jingħataw il-konfort ta’ ftit sigħat ta’ mistrieħ u għajnuna f’perjodu tant stressanti. Żied jgħid li minkejja l-mod ta’ kif qed tipprova tpinġi l-affarijiet l-Oppożizzjoni, il-mozzjoni tagħha hija kontra li jingħata l-leave marbut mal-IVF.
Dwar il-mistoqsijiet li kien qajjem id-deputat Edwin Vassallo, Muscat qal li stħarriġ li kienet għamlet il-Malta Gay Rights Movement (MGRM) qabel l-aħħar Elezzjoni Ġenerali, juri biċ-ċar li l-Partit Laburista kien qal li jaqbel mal-gamete donation. Żied jgħid li fl-istess kwestjonarju, il-Partit Nazzjonalista kien qal li mhux lest li jikkonsidra s-surrogacy f’dak l-istadju mingħajr ma għamel referenza għall-gamete donation.
Qabel ma’ ttieħed il-vot, Delia stieden lill-Prim Ministru biex jemenda l-liġi prinċipali.