​6,505 votant b’karta tal-identità skaduta

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li hemm 6,505 votant li jinsabu fl-aħħar fir-Reġistru Elettorali tal-Elezzjoni li ma ġeddewx il-Karta tal-Identità tagħhom.
Meta kien qed iwieġeb għall-mistoqsija parlamentari tad-Deputat Nazzjonalista Chris Said, il-Prim Ministru qal li meta persuna ma ġġeddidx il-karta tal-identità tagħha ma jfissirx li din tkun tilfet id-dritt tal-vot.
L-ikbar lokalità li fiha hemm persuni b’karta tal-identità skaduta hija San Pawl il-Baħar b’515–il persuna, waqt li f’Tas-Sliema hemm 352 persuna li ma ġeddewx il-karta tal-identità tagħhom.
Il-Prim Ministru qal li  dawn in-numri jistgħu jonqsu minħabba mwiet reġistrati fir-Reġistru Pubbliku minn mindu ħareġ l-aħħar reġistru elettorali f’Ottubru li għadda.