​6,500 sid ta’ karozza se jieħdu rifużjoni tal-VAT

Il-Ministru għat-Trasport Ian Borg u l-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna qalu li se jingħataw lura €4.8 miljun lil 6,500 sid ta’ karozza bħala rifużjoni ta’ VAT fuq vetturi. 
Il-Ministru Ian Borg sostna li dan huwa l-akbar ammont li qatt ingħata taħt din l-iskema u eliġibbli għaliha huma dawk li rreġistraw il-vettura tagħhom bejn l-1 ta’ Jannar 2007 u l-31 ta’ Diċembru 2007. 
Spjega li l-Gvern se jkun qed jagħmel dan il-ħlas f’pagament wieħed permezz ta’ cheque li se jintbagħat bil-posta. 
Il-formola tal-applikazzjoni lil kull min hu eliġibbli se tintbagħat f’Mejju. 
Qal li taħt din l-iskema l-Gvern diġà ta lura total ta’ kważi €14-il miljun bejn l-2014 u l-2017. 
Tkellem ukoll il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna li qal li wara din l-għotja, jkun fadal biss jieħdu r-rifużjoni dawk il-persuni li xtraw il-vetturi tagħhom fl-2008.