6,000 parteċipant jieħdu sehem fil-programm Summer on the Move

Din is-sena madwar 6,000 tifel u tifla se jkunu qed jieħdu sehem fil-programm Summer on the Move. L-għan ta’ dan il-programm huwa li t-tfal ikunu fiżikament attivi filwaqt li jitħarrġu fl-isport favorit tagħhom.
Għal sena oħra, il-programm qed ikun organizzat minn SportMalta li l-għan tagħha huwa li żżid il-parteċipazzjoni tas-soċjetà biex tkun aktar attiva u biex tkun tista’ tilħaq livelli ogħla fid-dinja tal-isport kompetittiv filwaqt li tgawdi minn saħħa aħjar.
Summer on the Move jinkludi wkoll lezzjonijiet għall-adulti fl-istess ħin tal-attivitajiet tat-tfal. Dawn l-attivitajiet huma offruti f’numru ta’ ċentri tal-ogħla livell madwar Malta u Għawdex.
L-attivitajiet offruti huma varji: minn footballbasketball u ġinnastika, għal carting u arti marzjali.  Ma jonqosx l-isport akwatiku: l-għawm, il-waterpolo kif ukoll l-ibburdjar.
Għall-adulti wieħed isib yogapilates u fitness ta’ intensitajiet differenti, kif ukoll badminton, għawm u selfdefence. Din is-sena ġie estiż ukoll il-programm tal-parent and child u minbarra l-għawm ġew offruti l-ġinnastika u l-fundamentals.
Dawn il-lezzjonijiet jitmexxew minn aktar minn 300 għalliem u coaches.
Is-Segretarju Parlamentari Clifton Grima żar il-Pixxina Nazzjonali u ltaqa’ mal-coaches u mal-parteċipanti. F’diskors qasir, Grima qal li l-Gvern irid idaħħal mentalità fit-tfal biex ikunu attivi u għalhekk iżjed b’saħħithom.
Dan il-programm jagħmel parti mill-kampanja Ewropea #BeActive bil-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea jingħaqdu fi sforz komuni biex jiċċaqalqu lin-nies bl-attività fiżika.

Ritratt: DOI – Omar Camilleri