“599 persuna l-ħabs fl-aktar jum bieżel tal-2017”

Il-Professur Saviour Falzon spjega li l-aktar ġurnata bieżla għall-ħabs ta' Kordin kien hemm total ta' 599 persuna. Sostna li l-ħabs ta' Kordin ma jiflaħx għal dan l-ammont kbir ta' nies.
Dan intqal waqt il-konferenza tal-aħbarijiet ta' dalgħodu fejn kien qed jiġi ppreżentat ir-Rapport Annwali tal-Kriminalità f'Malta.
Fid-diskors tiegħu, il-Ministru għas-Sigurtà Nazzjonali, Dr Michael Farrugia qal li l-Korp tal-Pulizija jkunu qed joħorġu r-rapporti tagħhom sa darba fix-xahar li għandhom skop prinċipali, sabiex jevalwaw xi jkun għaddej f'Malta.
Il-Ministru qal li dan isir sabiex jinstabu ċertu sekwenzi li jkunu qed jaħdmu bihom il-kriminali, bħal fil-każ tal-pick pocketing. Sostna li ġeneralment f'każi bħal dawn il-Pulizija jkunu pajsana. 
Spjega li s-sena li għaddiet ittieħdu diversi inizjattivi sabiex jintlaħqu l-miri tal-Korp.
Dr Farrugia qal li l-ammonti ta' Pulizija li jidhru żdied b'mod sostanzjali. Spjega li l-kriminalità f'Paceville niżlet għal 1,800 rapport matul l-2017 fejn qabel kien aktar minn 3,000 rapport f'sena. Bejn l-2016 u l-2017 il-kriminaltià f'Paceville minn 20% tal-kriminalità f'Malta niżlet għal ftit aktar minn 10%.
"Aktar ma l-pajjiż ikun affluwenti iktar wieħed jistenna li l-kriminalità tiżdied, huwa għalhekk il-bżonn li l-Pulizija tkun dejjem aktar fuq il-post. Irrid infakkar illi l-popolazzjoni ġewwa pajjiżna żdiedet madwar 50,000 persuna fl-aħħar ħames snin, it-turiżmu kiber madwar 200,000 fl-2017 fuq l-2016," kompla jgħid.
Il-Ministeru se jkun impenjat sabiex jeduka, hekk kif il-Ministru sostna li hemm bżonn ta' prevenzjoni u li l-poplu jkun konxju tal-kriminalitajiet u x'għandu jagħmel biex ma jesponix lilu nnifsu għal sitwazzjonijiet kriminali. Dr Falzon ikkonferma wkoll li l-edukazzjoni se tkun direzzjonata wkoll lilll-Pulizija.
X'jgħid ir-rapport?

  • Malta hija r-raba' fl-Ewropa fejn jidħol is-serq.
  • Ir-rapport juri wkoll li Malta għandha problema kbira ta' korruzzjoni li hija 69.99%.
  • Din is-sena ma żdiedux l-1,500 kriminalità li kienet irrappurtata li se tiżdied fuq is-sena ta' qabel. Madanakollu, ġew irrappurtati 17,136 kriminalita fl-2017.
  • Il-kriminalità qed tkun aktar domestika. Il-vjolenza domestika u l-abbuż sesswali jidher li qed jogħla. Li tiela' sena fuq sena hija l-vjolenza psikoloġika. Bormla huwa l-aktar raħal li rrapportaw każijiet tal-vjolenza domestika.
  • Is-serq huwa l-aktar kriminalità rrappurtata f'Malta: Żieda ta' serq minn djar, 31% żieda fis-serq mill-bajjiet.
  • Il-vjolenza fuq uffiċjali pubbliċi (mhux dejjem Pulizija) qed tiżdied. Fl-2017 kien hemm total ta' 238 każ.
  • Il-persuni li qed jiġu arrestati mill-Pulizija lokali ġejjin l-aktar mill-Italja, Somalja u l-Libja.
  • Il-frodi żdied b’57% minn fuq l-2016.