59 persuna b’multa għax kienu barra fi gruppi t’aktar minn 3

Read in English.

59 persuna llum ġew immultati għax inqabdu barra fi gruppi ta’ aktar minn tliet persuni.

Dan qalu l-Korp tal-Pulizija fuq il-paġna tiegħu fuq Facebook, fejn fiehem li waqt l-ispezzjonijiet tal-lum, ittama li ma jinqabdux persuni jiksru l-liġi minħabba l-imxija tal-coronavirus, iżda 59 persuna nqabdu jiksru din il-liġi.

Dawn ġew immultati €100 kull wieħed.

Intant, ħadd ma nstab jikser il-kwarantina obbligatorja fil-232 spezzjoni li saru fl-aħħar 24 siegħa. L-istabbilimenti tal-ikel u x-xorb żammew mar-regolamenti ukoll u ma fetħux. L-ebda stabbiliment ma nqabad miftuħ waqt it-850 spezzjoni li saru fil-Gżejjer Maltin.

Il-Korp kompla jgħid li dawn l-ispezzjonijiet se jkomplu tul il-weekend. Sar appell sabiex in-nies jibqgħu ġewwa avolja t-temp ikun xemxi, ħalli, kemm jista’ jkun, ma jkomplix jinfirex il-coronavirus.

Aġġornament tal-Gvern maħruġ illejla jgħid li mal-100 ħaddiem tad-Direttorat tat-Tindif Pubbliku qed jaħdmu 24 siegħa kuljum, 7 ijiem fil-ġimgħa, biex inaddfu u jiddiżinfettaw il-postijiet.

S’issa ddiżinfettaw b’mod regolari mal-500 bus shelter, għamara tat-toroq, inħawi quddiem spiżeriji u supermarkets u 12,000 kilometru ta’ bankini. Dan ix-xogħol tfaħħar mill-Prim Ministru waqt żjara lill-ħaddiema tad-Direttorat f’Kordin biex personalment jirringrazzjahom tad-dedikazzjoni u s-servizz li qed jagħtu lin-nazzjon.

Dalgħodu tħabbru 13-il każ ġdid tal-coronavirus, li sitta minnhom huma ħaddiema tas-saħħa. It-total ta’ każijiet f’Malta issa huwa ta’ 350.