58 produzzjoni lokali ngħataw fondi mill-2013 s’issa

Read in English.

58 produzzjoni lokali bbenefikaw mill-Malta Film Fund mill-2013 s’issa.

Dan qalitu l-Ministru għat-Turiżmu Julia Farrugia Portelli hi u twieġeb mistoqsija parlamentari tad-deputat Nazzjonalista Karol Aquilina. Hu staqsa lill-Ministru biex tagħti d-dettali tal-benefiċċjarji kollha tal-Malta Film Fund, inkluż id-data, l-ammont mogħti u l-isem tal-persuni jew kumpaniji li rċevewhom mill-2013 sa April ta’ din is-sena.

Fil-Parlament, Farrugia Portelli spjegat li mill-2013 ‘l hawn inġibdu 58 produzzjoni lokali li bejniethom kienu allokati kważi €2 miljuni. Hi ma daħlitx fid-dettal dwar min kienu u kemm ħadu b’mod individwali.

Aquilina staqsa wkoll lill-Ministru biex tindika liema proġetti li inizjalment ingħataw finanzjament mill-Malta Film Fund iżda ma tkomplewx. Hu talab biex il-Ministru tindika wkoll ir-raġuni għaliex il-proġetti ma tkomplewx jew ma tħallewx jitkomplew.

Il-Ministru Farrugia Portelli spjegat li mill-2013 ‘l hawn kien hemm 26 produzzjoni lokali li l-benefiċċju li ħadu mill-Malta Film Fund kien ikkanċellat minħabba diversi raġunijiet fosthom li nkissru il-kundizzjonijiet tal-kuntratt jew il-proġett ma tlestiex, fost l-oħrajn. Qalet li l-fondi kkanċellati kienu jammontaw għal kważi nofs miljun Ewro.

Meta wieħed iħares lejn is-sit tal-Malta Film Commission, li tamministra l-fond Malta Film Fund, jista’ jsib il-lista ta’ proġetti li rċevew il-fondi mill-2008 sal-2018. Fost il-benfiċċjarji kien hemm il-produzzjoni tal-film The Weeping House of Qala lura fl-2015 li kienet irċeviet €100,000. Meta wieħed iħares lejn l-2013, il-kumpanija Take 2 Ltd kienet irċeviet €90,000 biex tipproduċi l-film magħruf Limestone Cowboy.

L-objettiv tal-Malta Film Fund huwa li jgħin l-industrija tal-produzzjoni ta’ films u l-kitba ta’ scripts Maltin ta’ feature films, films qosra, dokumentarji kreattivi u serje televiżivi ta’ kwalità għolja li jistgħu jkunu ta’ suċċess internazzjonali. Il-fond joffri tliet kategoriji ta’ għajnuna, waħda għall-iżvilupp fejn hemm il-grant li tingħata lill-kittieba u l-grant għall-iżvilupp, waħda għall-produzzjoni u waħda għad-distribuzzjoni. It-total tal-baġit massimu allokat għal proġett huwa ta’ dak ta’ €350,000.

Il-fond jippermetti li wieħed japplika għal grant għal diversi ġeneri ta’ films, inkluż l-animazzjoni. Jagħti opprotunità kemm lil persuni li huma diġà magħrufa fl-industrija, kif ukoll uċuh ġodda li jaħdmu bil-għan li jippromwovu l-mod Malti ta’ kif tgħid storja, stejjer Maltin u ċinema Maltija. Dan kollu bil-għan li eventwalment Malta jkollha industrija tal-films li tkun kapaċi tfendi għal rasha.

Fl-aħħar jiem qamet kontroversja madwar avveniment li ħabbar il-gvern bl-isem ta’ Cinema City. Dan hekk kif bejn il-25 u t-28 ta’ Ġunju, lejliet l-Imnarja, l-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta se tkun qed torganizza erba’ serati li waqthom se jintwerew films fil-miftuħ, fl-ispazju aħdar ta’ Ġnien Laparelli fil-Belt Valletta li jinsab taħt id-dħul ewlieni tal-Belt, u li kien inawgurat fl-2018 fis-sena tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura. Dawn il-wirjiet ta’ films huma adattati għall-familja kollha u d-dħul huwa bla ħlas għal kulħadd.

Il-kontroversja qamet dwar l-għażla tal-films li se jkunu qed jintwerew, dan hekk kif l-ebda wieħed minnhom ma hu ta’ kitba jew produzzjoni Maltija. Kienu ħafna dawk li tkellmu dwar dan, partikolarment hekk kif tħassru diversi avvenimenti li kienu jippromwovu l-prodott Malti minħabba inċertezza ta’ jekk kinux se jkunu jistgħu jsiru matul ix-xhur tas-sajf minħabba l-pandemija tal-coronavirus.

Il-films li se jkunu qed jintwerew huma Jurassic World (il-Ħamis 25 ta’ Ġunju), World War Z (il-Ġimgħa 26 ta’ Ġunju), The Greatest Showman (is-Sibt 27 ta’ Ġunju), 13 Hours: The Secret Soldiers of Benghazi u Captain Phillips (il-Ħadd 28 ta’ Ġunju). Il-films jibdew fit-8pm, u fil-każ tal-Ħadd, it-tieni film jibda fl-10.15pm. World War Z, 13 Hours: The Secret Soldiers of Benghazi u Captain Phillips jinkludu xeni li nħadmu f’Malta u fit-toroq tal-Belt Valletta, u għalhekk għandhom rabta speċjali mal-kapitali.