58 persuna ngħataw iċ-ċittadinanza Maltija bla ċertifikat tat-twelid – Aquilina

Id-deputat Nazzjonalista Karol Aquilina żvela li kien hemm 58 persuna li ngħataw iċ-ċittadinanza Maltija mingħajr ma provdew ċertifikat tat-twelid.

Meta kien qed jitkellem fid-dibattitu dwar emendi fl-abbozz ta’ liġi li jemenda l-att dwar iċ-Ċittadinanza Maltija, Dr Aquilina qal li f’sena u nofs biss jaf 58 persuna ta’ nazzjonalità differenti, irġiel u nisa minn pajjiżi mifruxa mad-dinja kollha, miċ-Ċina sar-Russja, li ngħataw iċ-ċittadinanza Maltija mingħajr ma provdew ċertifikat tat-twelid.

Huwa qal li dan jixhed li l-Gvern mhu qed jagħmel l-ebda skrutinju (due Diligence) fuq dawn il-persuni.

Aquilina appella lill-Gvern biex jagħlaq dan il-programm ta’ xiri ta’ ċittadinanza u jpoġġi madwar mejda ħalli jfittex soluzzjonijiet oħra ta’ investimenti.

Id-Deputat Nazzjonalista qal li fl-abbozz ġdid ta’ liġi hemm biss tibdil kożmetiku “bbażat fuq deċiżjoni tal-biża’ li għandu l-Gvern minħabba li jaf li din l-iskema tal-bejgħ taċ-ċittadinanza ħolqot inkwiet kbir għax ir-reputazzjoni tal-pajjiż tkissret”.

Dwar uħud mill-persuni li ħadu ċ-ċittadinanza nstemgħu stejjer ikbar li kienu involuti fil-kriminalità u xorta ngħataw iċ-ċittadinanza Maltija, żied jgħid Dr Aquilina. Semma lil Ali Sadr Hasheminejad, sid il-Bank Pilatus, li fi kliem Aquilina kien diġà kellu nkwiet kbir u li l-Gvern missu keċċieh ‘il barra meta wasal Malta l-ewwel darba.

Riforma fl-IIP – 400 persuna fis-sena biss u ċittadinanza wara 3 snin

Intant, is-Segretarju Parlamentari Alex Muscat ressaq għat-tieni qari emendi fil-abbozz ta’ liġi li jemenda l-att dwar iċ-Ċittadinanza Maltija.

Hu spjega kif il-fondi miġbura mill-IIP servew bħala ‘war chest’, fond tal-flus fil-mumenti diffiċli tal-pandemija tal-Covid-19.

Huwa qal li issa li 1,800 investitur jingħataw iċ-ċittadinanza permezz ta’ investiment, il-programm ingħalaq u l-Gvern qed jipproponi t-tieni programm li hu differenti minn ta’ qablu.

Huwa qal li li skont stħarriġ xjentifiku, 60% ta’ dawk intervistati qablu li dan il-programm kien wieħed tajjeb. Huwa qal li l-programm se jinqasam f’erbgħa u li tnejn biss iwasslu biex wieħed jikseb ir-residenza permanenti wara tliet snin mindu jingħataw iċ-ċittadinanza.

Muscat qal li ċ-ċittadinanza se tingħata lil mhux iktar minn 400 persuna fis-sena għal total ta’ 1,500 qabel jingħalaq il-programm. Filwaqt li fil-programm preċedenti d-donazzjonijiet lill-NGOs laħħqu €4.8 miljun, f’dan il-programm id-donazzjoni se tkun mandatorja u ta’ mhux inqas minn €10,000. Is-Segretarju Parlamentari qal li se tinħoloq aġenzija ġdida biex tmexxi dan il-programm.