58 persuna f’mewġ għoli 2 metri; “Se jaslu Malta jumejn oħra” – PM

L-Aquarius, bħalissa bi 58 immigrant abbord, qiegħed fl-ibħra internazzjonali, qalb mewġ għoli 2 metri, jistenna li t-temp jitjieb sabiex jiġu Malta. Joseph Muscat qal li t-temp għandu jkun aħjar jumejn oħra, għalhekk mistennija jiġu Malta fil-jiem li ġejjin.

Madankollu, Newsbook.com.mt ikkuntattja lil kelliema għall-Gvern dwar il-ġurnata u l-ħin meta għandhom jaslu f’Malta, u din qalet li m’hemmx ħin mistenni minħabba l-kundizzjonijiet drastiċi tat-temp.

Il-Prim Ministru qal li li kieku daħal fl-ibħra jew il-portijiet Maltin, kienu jkunu fid-dover li jarrestawh. Ladarba l-immigranti, inkluż mara tqila, jaslu Malta, ħadd minnhom mhu se jibqa’ hawn, għaliex se jibdew triqthom lejn Franza, il-Ġermanja, il-Portugall u Spanja.

Fl-intervista li saritlu waqt li qiegħed fi New York għall-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda, Muscat qal li dan il-ftehim sar bejn il-Gvern Malti u dak Franċiż, biex Malta turi li hi proattiva, u lesta li tgħin, imma mhux lesta li ssir ċentru għall-immigranti.

Bħalissa l-Aquarius qiegħed madwar 25 mil nawtiku ’l barra mill-kosta Maltija, qalb mewġ li jogħla sa 2 metri.

L-MV Aquarius hu bastiment tal-SOS Mediterranee u jitmexxa ma’ Doctors Without Borders (MSF). F’Awwissu, l-Aquarius kien tħalla jidħol Malta b’141 immigrant abbord. Ir-reġistrazzjoni tiegħu fil-Ġibiltà tneħħiet sal-20 t’Awwissu, wara ġranet f’Marsilja rreġistra mal-awtoritajiet ta’ Panama, iżda l-awtoritajiet tal-Panama neħħewlu r-reġistrazzjoni fil-jiem li għaddew.