579 pazjent bi problemi tas-saħħa mentali jirċievu kura involontarja fl-2019

Il-Kummissarju għas-Saħħa Mentali rċieva 1274 applikazzjoni jew notifika dwar kura involontarja għal pazjenti bi problem tas-saħħa mentali matul is-sena 2019, u prattikament kollha – 1255 – ġew milqugħa.

Skont ir-rapport annwali tal-uffiċċju tal-kummissarju, dawn jinkludu 545 notifika, li minnhom 525 kienu notifika biex pazjent jittieħed għall-osservazjoni b’mod mhux volontarju. 8 notifiki kienu meqjusa mhux validi.

Fl-istess ħin, kien hemm 729 applikazzjoni fejn id-deċiżjoni tal-uffiċċju kienet meħtieġa. Minn dawn, 718 ġew approvati, filwaqt li 11 ġew miċħuda jew kienu rtirati.

Il-maġġoranza ta’ dawn l-applikazzjonijiet – 497 – kienu għall-approvazzjoni tar-restrizzjoni tad-drittijiet tal-pazjenti għal raġuni ta’ kura. 23 applikazzjoni oħra kienet dwar ir-restrizzjoni tal-komunikazzjoni.

182 persuna ġiet rilaxxata minn ordni ta’ trattament, 15-il persuna ġew ċertifikati li għandhom nuqqas ta’ kapaċità mentali, filwaqt li persuna oħra ġiet rilaxxata minn din iċ-ċertifikazzjoni.

L-1255 każ validu jikkonċerna total ta’ 579 persuna, li minnhom 338 kienu meqjusa li għandhom bżonn ta’ kura mhux volontarja għall-ewwel darba.

17-il minuri jiddaħħal għall-osservazzjoni involontarja

L-uffiċċju rċieva 520 applikazzjoni valida biex jiddaħħal pazjent għall-osservazzjoni involontarja f’faċilità tas-saħħa mentali, li jittrattaw 436 persuna differenti.

Dawn jinkludu 419 adulti u 17-il minuri, li l-età tagħhom tvarja bejn 12 u 17-il sena.

Kważi żewġ terzi – 281 – kienu rġiel jew subien, filwaqt li 155 kienu nisa jew bniet.