573 każ ġdid tal-coronavirus fiċ-Ċina fl-aħħar jum ta’ Frar

Read in English.

573 każ ġdid ġew ikkonfermati fid-29 ta’ Frar. Il-figura telgħet ftit minn din tal-jum ta’ qabel, hekk kif fit-28 ta’ Frar kienu ġew irrapurtati 427 każ ġdid. L-awtorità tas-saħħa fil-pajjiż qalet li dan kien l-aktar numru kbir għall-ġimgħa.

Il-każi l-ġodda kienu kkonċentrati f’Wuhan, il-belt minn fejn hu mifhum li l-virus oriġina. Wuhan identifika 565 infezzjoni ġdida s-Sibt, jiġifieri 99% tal-każi ġodda.

Intant, jidher li l-imwiet kienu inqas ilbieraħ. Filwaqt li fit-28 ta’ Frar mietu 47 persuna, ilbieraħ mietu 35 persuna bil-virus, it-tieni l-inqas numru ta’ mwiet reġistrat fi Frar. Sa issa, il-virus qatel 2,870 persuna fiċ-Ċina skont il-Kummissjoni għas-Saħħa Nazzjonali. 34 mill-imwiet tal-bieraħ kienu fil-provinċja ta’ Hubei, fejn jinsab Wuhan. 570 mill-każi tal-bieraħ kienu f’din il-provinċja.

It-tliet każi ġodda barra Hubei kienu l-inqas numru ta’ każi barra minn Hubei irrappurtati mill-20 ta’ Jannar. Il-Kummissjoni qalet ukoll li total ta’ 41,625 inħelsu mill-isptar wara li fiequ mill-virus. Dan jammonta għal 52% tal-każi kkonfermati fil-pajjiż. Minkejja dan, uffiċjali tas-saħħa qalu li wħud minnhom jinsabu f’riskju li jerġgħu jiżviluppaw is-sintomi.

Sabiex tnaqqas l-impatt tal-coronavirus, iċ-Ċina ordnat ir-reġjuni tagħha biex jikklassifikaw id-distretti tagħhom f’livelli ta’ riskji: “high-risk”, “medium-risk”, u “low-risk”.

L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) qalet is-Sibt li kien hemm total ta’ 6,009 każi tal-COVID-2019 barra miċ-Ċina. Dawn telgħu b’1,318-il każ mil-jum ta’ qabel. Total ta’ 53 pajjiż irrapportaw każi tal-virus. Il-Messiku u San Marino kienu l-aħħar pajjiżi li għamlu dan.