57 resident fi djar tal-anzjani pożittivi għall-coronavirus – Il-Gvern

Aġġornat 07:03 AM
Miguela Xuereb

Read in English.

Il-Gvern ikkjarifika li bħalissa hemm 57 każi attivi ta’ coronavirus ta’ residenti li jinsabu fi djar tal-anzjani. Il-każi huma mifruxa f’erba’ residenzi li huma tas-Simblija, Casa Antonio, Casa San Paolo u Residenza San Ġużepp.

Il-Ministeru għas-Solidarjetà Soċjali flimkien mas-Segretarjat għall-Anzjanità Attiva qalu fi stqarrija   li f’kull dar residenzjali tal-anzjani li ntlaqtet mill-COVID-19, ġew ittestjati kemm residenti kif ukoll l-istaff. Qalu li d-djar qed japplikaw il-proċess ta’ staff-to-patient allocation, safe bubbles f’kull sular kif ukoll miżuri għolja ta’ infection control. Kien spjegat li r-residenti kollha li ġew negattivi qed jerġgħu jiġu ttestjati wara tlett ijiem sabiex ikun hemm monitoraġġ għoli ta’ din is-sitwazzjoni.

Qalu wkoll li l-qraba tar-residenti kollha li qegħdin fid-djar residenzjali li għandhom każijiet pożittivi u negattivi qed jiġu infurmati bl-iżviluppi u bil-kundizzjoni tar-residenti. 

Residenti fid-djar tal-anzjani għandhom jinħarġu biss għal ċirkustanzi mediċi

Wara l-aħħar żviluppi u skont diskussjonijiet u direzzjoni mogħtija mill-awtoritajiet tas-saħħa pubblika, l-Awtorità ta’ Standards ta’ Ħarsien Soċjali ħarġet ċirkulari li tgħid li kull kap ta’ dar tal-anzjani għandu jiżgura li r-residenti joħorġu mid-dar biss għal appuntamenti mediċi jew meta jkollhom bżonn kura medika. Intant minn Ġunju tal-2020, l-awtoritajiet introduċew l-eżerċizzju ta’ ttestjar regolari fid-djar residenzjali tal-anzjani.

L-azzjonijiet li ttieħdu jinkludu:

  • Protokolli bbażati fuq evidenza;
  • Residenti ġodda jew li kienu fil-komunità jinżammu għal perjodu ta’ kwarantina qabel jidħlu f’residenza;
  • Introduzzjoni ta’ sodod ta’ kontinġenza biex issir l-iżolazzjoni għar-residenti li jinsabu pożittivi;
  • Issaħħew il-mezzi ta’ infection control fid-djar residenzjali;
  • Ittestjar regolari ta’ residenti u tal-istaff. Sal-lum, saru aktar minn 10,000 swab kemm fost ir-residenti u anke lill-istaff li jaħdmu fid-djar residenzjali;
  • Viżitaturi ma jkollhomx kuntatt dirett mal-anzjani imma l-viżti jsiru minn wara l-perspex. Il-qraba jistgħu jikkomunikaw ukoll mar-residenti permezz tat-teknoloġija;
  • Jitnaqqsu n-nies li jidħlu fid-djar għal dawk biss ta’ ħidma essenzjali;
  • Taħriġ lill-istaff; u
  • L-istaff, kemm jista’ jkun, ikun limitat għad-dar li jaħdmu fiha.

Illum Malta rreġistrat l-akbar żieda ta’ każi ġodda ta’ coronavirus f’jum wieħed hekk kif kienu rreġistrati 78 każ ġdid fi żmien 24 siegħa. Fl-aħħar jumejn instabu 32 każ ġdid ta’ coronavirus f’dar tal-anzjani partikolari fil-Fgura.

“L-istaff tas-St Joseph Home eżawrit” – sorsi

Sorsi qrib id-dar tal-anzjani St Joseph Home qalu li l-istaff tad-dar tal-anzjani jinsabu eżawriti hekk kif minħabba ż-żieda drastika fil-firxa tal-virus f’din id-dar, tħallew ftit wisq infermiera u carers jaħdmu mal-anzjani fid-dar.

Biss fl-aħħar 48 siegħa nstabu total ta’ 32 każ tal-coronavirus f’din id-dar partikolari. Minnhom huma infermiera, filwaqt li oħrajn huma anzjani residenti.

Is-sorsi ta’ Newsbook.com.mt qalu li l-istaff qed jopera mingħajr PPEs. Insister li s-sitwazzjoni tinsab bla kontroll.

Dwar dan, Newsbook.com.mt tkellem mal-President tal-Union għall-Infermiera u l-Qwiebel (MUMN), Paul Pace sostna li l-infermiera mhux suppost jaħdmu mingħajr PPEs u ddeskriva s-sitwazzjoni f’din id-dar tal-anzjani bħala waħda diżastruża. Fakkar li fid-direttivi li għandha fis-seħħ l-union, il-membri tagħha qed jintalbu ma jaħdmux f’postijiet fejn ikunu f’riskju li jiltaqgħu mal-virus mingħajr ma jingħataw PPE.