5,690 persuna qed jirċievu s-servizz psikjatriku bħalissa – Fearne

Il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne ippubblika statistika waqt seduta parlamentari li turi li bħalissa madwar Malta u Għawdex hawn total ta’ 5,690 persuna li qed jirċievu servizz tal-outpatients tal-psikjatrija bħalissa.

Hu kien qed iwieġeb mistoqsija mid-deputat Mario Galea. Ir-raħal bl-aktar persuni li qed jagħmlu użu minn dan is-servizz huwa Birkirkara fejn hemm total ta’ 508 persuni. Dan segwit minn San Pawl il-Baħar b’280 persuna u l-Mosta b’278. Intant, l-irħula li hemm l-inqas numru ta’ persuni li qed jagħmlu użu minn dan is-servizz huma l-Balluta, Għajnsielem, Ħal Għaxaq, L-Isla, Marsalforn, L-Imdina, il-Qala, San Lawrenz, is-Sannat, ix-Xagħra, ix-Xewkija u ż-Żebbuġ Għawdex li kollha kemm huma għandhom persuna waħda biss li qed tagħmel użu mis-servizz.

Aqra: “Artikli Maltin dwar is-saħħa mentali aktar edukati minn pajjiżi oħrajn”

“9 persuni jagħmlu użu mis-servizz tar-respite tar-Richmond Foundation”

Id-deputat Mario Galea staqsa wkoll lill-Ministru Fearne dwar kemm kien hemm persuni b’nuqqas ta’ saħħa mentali li għamlu użu mis-servizz tar-respite mogħti mir-Richmond Foundation u mill-Gvern f’dawn l-aħħar tliet snin sabiex jiġu mgħejjuna l-qraba ta’ dawn il-persuni. Talab ukoll sabiex jiġi kkjarifikat jekk hemmx lista ta’ persuni li qed jistennew għal dan is-servizz.

Aqra: Għandek problemi ta’ saħħa mentali? Fittex l-għajnuna

Il-Ministru Fearne wieġeb jgħid li mill-2016 sal-2018, in-numru ta’ persuni b’nuqqas ta’ saħħa mentali li għamlu użu mis-servizz tar-Richmond Foundation kienu 9, filwaqt li hemm 3 persuni fuq il-lista ta’ stennija għal dan is-servizz.

“Il-qraba ta’ persuni b’nuqqas ta’ saħħa mentali qed jingħataw l-għajnuna”

Il-Ministru Fearne, hu u jwieġeb mistoqsija tad-deputat Hermann Schiavone spjega li bħalissa l-qraba ta’ persuni b’nuqqas ta’ saħħa mentali qed jingħataw l-għajnuna permezz ta’ grupp ta’ sapport bl-isem ta’ Reaching Out. Spjega li dan il-grupp twaqqaf biex joffri sapport lill-qraba kemm ta’ dawk li qed jiġu rikoverati fl-Isptar Monte Karmeli u anke dawk li qed jieħdu xi servizz fil-komunità.

Aqra: Monte Karmeli għandu jagħlaq – Fondazzjoni Richmond

Fearne spjega kif waqt dawn il-laqgħat il-professjonisti jitkellmu mal-qraba fuq diversi suġġetti bħal stigma, kif wieħed għandu jġib ruħu ma’ persuni b’nuqqas ta’ saħħa mentali, x’wieħed jistenna waqt il-proċess ta’ fejqan, kundizzjonijiet ta’ saħħa mentali inġenerali, kif wieħed jieħu ħsieb tiegħu innifsu (self care), tingħata informazzjoni dwar il-mediċini u l-effett tagħhom, tagħrif dwar NGOs li jaħdmu ma’ qraba ta’ persuni b’nuqqas ta’ saħħa mentali, coping skills li l-qraba għandhom bżonn biex jgħinuhom fil-ħajja ta’ kuljum waqt li qegħdin jgħixu ma persuni b’nuqqas ta’ saħħa mentali u kif wieħed għandu jaġixxi wara li jkun ingħata id-dijanjożi li xi qarib tagħhom qiegħed ibati minn xi nuqqas ta’ saħħa mentali.

Il-laqgħat ta’ għajnuna jiġu offruti ġewwa ċ-Ċentru Tommaso Chetcuti fl-Isptar Monte Karmeli u saru kważi darba fix-xhar bejn April tal-2018 u Marzu ta’ din is-sena. Il-laqgħat ma kienux saru fix-xhur ta’ Lulju u Awwissu tal-2018. Intant, Fearne spjega li l-laqgħa li jmiss issa hija ppjanata għall-aħħar ta’ Ġunju. Sostna li l-attendenza kienet dejjem inkoraġġanti. Waqt il-laqgħat, il-professjonisti dejjem jistaqsu lill-qraba dwar x’suġġett jixtiequ li jiġi diskuss.

Aqra: 150,000 Malti jsofri minn problemi ta’ saħħa mentali – Richmond Foundation

Fearne spjega li minbarra dan is-servizz, baqa’ jiġi offrut ukoll l-Acute Response Team Service, b’kollaborazzjoni mal-Counselling Department tal-Universita’ ta’ Malta. L-Acute Response Team (ART) kien ġie varat fi Frar tal-2017 bl-għan li joffri sostenn emozzjonali u psikoloġiku (counselling service) lill-qraba u carers ta’ persuni li jbatu bi problemi ta’ saħħa mentali.

Għas-servizz ART minn Jannar sa Diċembru tal-2018 saru 289 sessjonijiet ma’ 32 familji/qraba kif ukoll 234 sessjoni li kienu ta’ terapija tal-familja. Minn Jannar sa Mejju tal-2019 saru 164 sessjonijiet ma’ 31 familji/qraba kif ukoll 69 sessjoni li kienu ta’ terapija tal-familja.