56 persuna nstabu jsuqu b’veloċità eċċessiva

Sitta u ħamsin persuna nstabu jsuqu b’veloċità eċċessiva llum.

Fi stqarrija, il-Pulizija qalet li llum ħarġet 56 taħrika għal sewqan b’veloċità eċċessiva. L-ogħla veloċità rreġistrata kienet ta’ 145 kilometru fis-siegħa f’żona ta’ 80 kilometru fis-siegħa. Il-każ seħħ fil-bypass ta’ San Pawl il-Baħar.

“Għat-tieni Ħadd konsekuttiv, diversi sewwieqa abbużaw mit-toroq kważi vojta u komplew jinjoraw l-appelli għal sewqan bil-galbu,” qalet il-Pulizija.

Spjegat li għamlet kontrolli fil-Bypass ta’ San Pawl il-Baħar kif ukoll tul Triq il-Kosta.

Inħarġu wkoll żewġ taħrikiet minħabba li l-vetturi kellhom ħġieġ tinted u erba’ taħrikiet oħra peress li l-karozzi ma kellhomx pjanċa tar-reġistrazzjoni.