56 persuna f’riskju li jmutu; Malta tgħid li responsabbilità tal-Libja

Monique Agius

Read in English.

Sitta u ħamsin persuna fuq dagħjsa jinsabu f’riskju li jitilfu ħajjithom fil-baħar Mediterran qrib il-kosta tal-Libja. Il-Forzi Armati ta’ Malta (AFM) ġew infurmati bil-każ, però qalu li dawn il-ħajjiet mhumiex responsabbilità tagħhom.

L-għaqda Alarm Phone qalet li għamlet kuntatt mal-awtoritajiet Maltin, Taljani, Franċiżi, u Libjani. Però qalet li ħadd minnhom ma wera interess li jsalva lill-persuni abbord id-dagħjsa. Alarm Phone qalet li dan huwa llegali.

Skont l-għaqda, għas-1 pm l-immigranti staqsew fejn jinsabu d-drittijiet umani u talbu għall-għajnuna.

Kelliema għall-AFM qalet lil Newsbook.com.mt li qed isegwu l-każ imma li d-dgħajsa tinsab fiż-żona ta’ salvataġġ tal-Libja. Għalhekk l-AFM mhux se tmur għalihom.

Diversi għaqdiet jinsistu li l-Libja mhix post sigur għall-immigranti li jiġu salvati għax jispiċċaw torturati u stuprati f’ċentri tad-detenzjoni.

It-Tnejn li għadda, il-Ministri għall-Intern ta’ Malta, l-Italja, Franza u l-Ġermanja waslu għall-qbil fuq l-iżbark ta’ persuni salvati mill-għarqa waqt summit qasir li sar fil-Forti ta’ Sant’Anġlu.

Filmat: Il-ftehim dwar l-immigrazzjoni se jiġi ppreżentat f’Ottubru