56,000 tifel u tifla fl-iskejjel Maltin

Fl-aħħar sena skolastika kien hemm mill-inqas 55,991 tifel u tifla fl-iskejjel Maltin, mill-klassijiet tal-kindergarten sal-post-sekondarja.
Iċ-ċifri li ngħataw fil-Parlament jinkludu l-livelli tal-primarja, sekondarja u post-sekondarja għall-iskejjel kollha tal-istat, tal-Knisja u dawk indipendenti, kif ukoll iċ-ċifri għall-kindergarten tal-istat.
Fl-iskejjel tal-istat attendew 34,365 student maqsuma bejn 6,432 fil-kindergarten, 13,567 fl-iskejjel primarji, 12,008 fl-iskejjel sekondarji u 2,358 fl-iskejjel post-sekondarji.
Fl-iskejjel tal-Knisja kien hemm 7,741 tifel u tifla fl-iskejjel primarji, 7,560 f’dawk sekondarji u 796 fl-iskejjel post-sekondarji.
Fl-iskejjel indipendenti attendew 2,950 student f’livell primarju, 2,293 f’livell sekondarju flimkien ma’ 286 f’livell post-sekondarju.
L-informazzjoni ngħatat mill-Ministru tal-Edukazzjoni Evarist Bartolo bi tweġiba għal Mistoqsija Parlamentari tad-deputat Nazzjonalista Joe Cassar. Iċ-ċifri jvarjaw ftit minn dawk li ngħataw ftit xhur ilu fi tweġiba għal Mistoqsija Parlamentari differenti.