558 karozza mwaqqfa mill-Pulizija l-lejl li għadda

Bejn il-lejl li għadda u dalgħodu, il-Pulizija waqqfet total ta’ 558 vettura minħabba ksur tar-regoli tat-traffiku. Dan ħareġ minn stqarrija mill-Pulizija li spjegat li dan kien riżultat ta’ ħidma minn membri mis-sezzjoni tat-Traffiku u s-sezzjoni tal-Klieb li wettqu diversi kontrolli fit-toroq Maltin.

Waqt l-ispezzjonijiet, 3 persuni nstabu li kienu qed jagħmlu użu minn vettura taħt l-effett tal-alkoħol.

Il-kontrolli saru f’diversi nħawi, fosthom f’Baħar iċ-Ċagħaq, Birkirkara, Burmarrad, il-Mellieħa, l-Imġarr, in-Naxxar, San Pawl il-Baħar, il-Kappara, Ħal Lija, Pembroke, l-Imsida, San Ġiljan, Ħal Qormi, Marsaskala, Ħal Tarxien, iż-Żejtun, Ħal Luqa, il-Gudja, il-Furjana, Paceville, u diversi postijiet oħra madwar Malta.

Kawża tal-ispezzjonijiet ġew imħarrka u mwaqqfa diversi persuni minħabba l-ksur tar-regolamenti tat-traffiku. Dawn jinkludu sewqan mingħajr liċenzja valida, użu ta’ vettura mingħajr iċ-ċintorin tas-sigurtà, sewqan ta’ vettura mingħajr liċenzja valida tat-triq u polza tal-assigurazzjoni, vettura li kienet qed tinstaq b’numru tar-reġistrazzjoni foloz u diversi ksur ieħor.