Malta titneħħa mil-lista ta’ pajjiżi siguri fl-Ingilterra

Franza, Malta u l-Olanda tneħħew mil-lista ta’ pajjiżi siguri fil-konfront tal-coronavirus fl-Ingilterra.

Tard il-Ħamis filgħaxija l-Gvern Ingliż ħabbar lista ġdida ta’ pajjiżi li kull min jivjaġġa minnhom se jkollu jagħmel 14-il jum kwarantina kif jasal l-Ingilterra.

Dawn il-lista tinkludi uffiċċjalment lil Franza, Malta, l-Olanda, Monaco, Turks & Caicos u Aruba.

Il-Gvern Ingliż qal li din il-miżura se tidħol fis-seħħ mill-4am ta’ nhar is-Sibt.

Is-Segretarju Ingliż għat-Trasport qal li ttieħdet din id-deċiżjoni wara li ġiet innutata żieda sostanzjali ta’ każijiet COVID-19 f’dawn il-pajjiżi. Huwa sostna li din il-ġimgħa Franza rat żieda ta’ 66% fl-ammont ta’ każijiet pożittivi, l-Olanda rat żieda ta’ 52% u filwaqt li Malta rat żieda ta’ 105%. Turks & Caicos u Aruba raw żieda ta’ 273% u 1,106% rispettivament, skont il-Gvern Ingliż.

Huwa qal li l-Ingilterra ħadet din id-deċiżjoni sabiex tkun tista’ żżomm ir-rata tal-infezzjonijiet baxxi kemm jista’ jkun.

Franza qalet li din id-deċiżjoni tal-Ingilterra se jkollha riperkussjonijiet fuq l-ivjaġġar bejn iż-żewġ pajjiżi u li se l-Ingilterra se jiddispjaċiha li ħadet din id-deċiżjoni.

Il-Ħamis instab ammont rekord ta’ każijiet pożittivi ta’ COVID-19 f’Malta hekk kif tħabbar li nstabu 55 każ attiv, filwaqt li fiequ 13-il persuna oħra.

Il-Ħamis tħabbar li Malta u l-Olanda mistennija jitneħħew mil-lista ta’ pajjiżi siguri tal-Ingilterra

Sadanittant in-Norveġja u d-Danimarka m’għadhomx iqisu lil Malta bħala pajjiż sigur wara l-qabża fil-każijiet tal-coronavirus fil-pajjiż. Għalhekk, in-Norveġiżi u d-Daniżi li jżuru Malta jridu jagħmlu kwarantina meta jirritornaw f’pajjiżhom.