5,500 persuna injorati mill-Gvern – FAA

Read in English.

5,500 persuna li appoġġjaw is-sottomissjonijiet ta’ Flimkien Ambjent Aħjar u Friends of the Earth (Malta), flimkien ma’ 5,000 persuna li ppreżentaw petizzjonijiet parlamentari mill-ġdid dwar Manoel Island, qed jisħqu li ġew injorati għax ma ngħatawx iċ-ċans li jkunu kkonsultati dwar jekk l-aċċess għal siti pubbliċi għandux ikun iggarantit. 

Dan qalitu l-organizzazzjoni ambjentali Flimkien għal Ambjent Aħjar.

Fl-2016, l-FAA u l-FoE ssottomettew 23 sit li għandhom jiġu kkunsidrati bħala Dominju Pubbliku, inklużi Manoel Island, Kemmuna u Fomm ir-Riħ, kif ukoll dak issuġġerit mill-Ministru Herrera – Wied Għomor.

Fi stqarrija, ġie spjegat kif wara li l-Gvern m’għamel xejn għal erba’ snin dwar il-konsultazzjoni pubblika tad-Dominju Pubbliku, għażel li jsolviha f’nofs pandemija. Skont l-organizzazzjoni, il-Gvern ddeċieda li jipproteġi lil ftit siti bħall-Għadira s-Safra u limiti tan-Naxxar filwaqt li jinjoraw 23 sit tan-natura oħra, u jħallihom vulnerabbli għall-iżvilupp.

Sal-iskadenza tal-konsultazzjoni pubblika tal-bieraħ, 10 eNGOs flimkien ma’ mijiet ta’ membri tal-pubbliku bagħtu imejls lill-Awtorità tal-Ippjanar jipprotestaw li l-pubbliku messu ngħata ċ-ċans li jkun ikkonsultat dwar jekk l-aċċess pubbliku għal dawn is-siti għandux ikun iggarantit. Minflok, l-eNGOs saħqu li ġew injorati b’mod arroganti.

Il-valur tal-ħajja jiswa aktar mill-valur tal-blat u tal-bini – PN

Intant, fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista nsista li l-valur tal-ħajja jiswa aktar mill-valur tal-blat u tal-bini. Huwa żied jgħid li Wied Għomor u l-226 tomna ta’ raba’ fil-limiti tal-Magħtab ma jistgħux jinqerdu sempliċiment għax xi ħadd jiddeċiedi li dawn l-ispazji jġibu aktar flus jekk jinbigħ il-blat u jinbena.

L-Oppożizzjoni ddeskriviet kif ir-raba’ u l-widien tagħna huma issa l-valur miżjud li rridu nindokraw “jekk tassew irridu li f’Malta l-bini kollu li nbena jibqa’ jkollu valur”.