55 skola rikonoxxuta għall-isforzi dwar internet iktar sigur

55 skola f’Malta ġew rikonoxxuti b’mod uffiċjali għall-isforzi tagħhom biex jipproteġu lill-istudenti tagħhom fuq l-internet.
L-iskejjel ingħataw ċertifikat, li jpoġġihom f’wieħed minn tliet livelli – bronż, fidda jew deheb – skont il-proċeduri u l-politika li adottaw biex iħarsu lill-istudenti tagħhom waqt li jużaw it-teknoloġija tal-informazzjoni.
Huma ngħataw ukoll plakka biex titwaħħal fl-iskola stess.
Iċ-ċerimonja saret fil-Kulleġġ San Tumas More, f’Ħal Tarxien, u għaliha attendew il-Ministru tal-Edukazzjoni Evarist Bartolo, is-Segretarju Parlamentari għall-Kompetittività Jose’ Herrera u ċ-Chairman tal-Awtorità ta’ Malta dwar il-Komunikazzjoni (MCA), Edward Woods.
eSafetyLabel hu proġett mifrux mal-iskejjel tal-UE. Dawk l-iskejjel li għadhom mhux rikonoxxuti jistgħu jibdew il-proċess waqt li l-55 skola rikonoxxuta diġà tista’ tkompli tikseb iktar riżorsi onlajn. 
Ritratt: DOI – Jason Borg