55 persuna fix-xahar jitolbu l-għajnuna legali fil-qrati

Matul l-2019 fil-Qorti Maltija saru 649 applikazzjoni għall-għajnuna legali quddiem il-Qrati tal-Maġistrati sabiex jiġu assistiti f’kawżi kriminali filwaqt li fil-Qorti t’Għawdex kien hemm 14-il talba.

Sa April 2020, fil-Qorti Maltija ġew maħtura 145 avukat tal-għajnuna legali u tlieta fil-Qorti t’Għawdex.

Il-Ministru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza u l-Governanza, Edward Zammit Lewis qal li mill-2018 sas-7 ta’ Mejju 2020 kien hemm 73 applikazzjoni għall-għajnuna legali quddiem il-Qrati Kriminali tal-Appell u 6 applikazzjonijiet li kienu ġurijiet.

Il-Ministru Zammit Lewis spjega li ma tinżammx statistika rigward sess jew etajiet tal-applikanti li jagħmlu użu mis-servizz tal-għajnuna legali quddiem il-Qrati tal-Maġistrati.

Il-Ministru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza u l-Governanza Edward Zammit Lewis kien qiegħed iwieġeb għall-mistoqsijiet parlamentari tad-Deputat Laburista Glenn Bedingfield.