Il-PL jirbaħ b’40,000 vot kieku ssir elezzjoni – stħarriġ

Miguela Xuereb

Read in English.

Stħarriġ ġdid juri li 55.3% tal-Maltin jivvutaw lill-Partit Laburista li kieku kellha ssir elezzjoni ġenerali għada, jiġifieri l-Partit Laburista jirbaħ b’40,000 vot.

Ir-riżultati ta’ dan l-istħarriġ ġew ippubblikati fil-gazzetta It-Torċa maħruġa mill-General Workers’ Union. Dan ifisser li d-distakk bejn iż-żewġ partiti huwa ta’ 40,000 vot.

Stħarriġ differenti tal-MaltaToday li sar ftit ġimgħat wara li Robert Abela laħaq Mexxej tal-Partit Laburista kien wera li Abela huwa fdat minn 62.5% tal-populazzjoni, filwaqt li lil Delia jafdawh 13.5% tal-Maltin. Dan l-istħarriġ kien wassal għal pressjoni kbira fuq Delia biex jirriżenja, anke minn ġol-Partit tiegħu stess.

Fl-istħarriġ tal-lum, 59.5% ta’ dawk li pparteċipaw qalu li jafdaw lil Abela, filwaqt li 22.2% qalu li jafdaw lil Delia. 14.3% wieġbu li ma jafux, u 3.3% qalu li ma jafdaw lil ħadd. Il-mexxejja tal-partiti ż-żgħar ġabu biss 0.6% tal-voti.

Fost dawk li vvutaw lill-Partit Nazzjonalista fl-elezzjoni ġenerali tal-2017, 55.6% ta’ li vvutaw qalu li jafdaw lil Adrian Delia. 7.3% tal-votanti tal-PN fl-2017 qalu li jafdaw lil Robert Abela, u 25.7% qalu li ma jafux.

Dawn ir-riżultati juru li l-Partit Nazzjonalista ma jirnexxilux jegħleb lill-Partit Laburista li kieku kellha ssir elezzjoni. Juru wkoll li ftit sar tibdil fiż-żewġ partiti, u b’hekk, dawn ikollhom riżultati simili għal dawk miksubin fl-2017.

Il-Partit Laburista kiseb 0.3% sapport iżjed, filwaqt li l-Partit Nazzjonalista naqqas mis-sapport li kien igawdi b’1.5%, meta kkumparati mal-2017.