54 parroċċa joffru spazju lill-istudenti fejn jagħmlu l-eżamijiet

Iċ-ċentru parrokkjali tal-Iklin, wieħed mill-postijiet offruti biex l-istudenti jagħmlu l-eżamijiet.

Read in English.

54 parroċċa qegħdin joffru għajnuna lill-istudenti li se jagħmlu l-eżamijiet online fil-ġranet li ġejjin, billi joffru spazji fejn l-istudenti jistgħu jagħmlu l-eżami.

L-istudenti se jkollhom jagħmlu l-eżamijiet mid-dar peress li l-iskejjel u l-istituzzjonijiet edukattivi huma magħluqin minħabba l-imxija tal-coronavirus.

Stqarrija maħruġa mill-Kurja tgħid li għadd ta’ kappillani qed joffru wkoll lill-istudenti s-servizz ta’ Wi-Fi li għandhom fil-bini tal-parroċċa. L-ispazji offruti jinkludu uffiċċji, ċentri parrokkjali u klassijiet tad-duttrina.

Il-Kurja qalet li din l-inizjattiva mill-kappillani għandha tgħin lill-istudenti li minħabba diversi ċirkustanzi fid-dar jew fil-familja ma jkunx possibbli għalihom li joqogħdu għall-eżami f’post għall-kwiet.

Dawk l-istudenti li jixtiequ jagħmlu użu minn dan is-servizz għandhom jikkuntattjaw il-kappillan tal-parroċċa tagħhom jew jibagħtu email fuq segretarjat.parrocci@maltadiocese.org.

Il-kulleġġ tal-kappillani tal-Arċidjoċesi ta’ Malta awgura lill-istudenti suċċess u stqarr li se joffri talb għalihom għal dawn l-eżamijiet.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn